L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
“Jitbierku bik it-tribujiet kollha tal-art” (Ġen 12:4). Għeżież saċerdoti, aħna u ningħaqdu magħkom illum biex nirringrazzjaw lil Alla tad-don tas-saċerdozju u tal-ministeru tagħkom, it-talba tagħna hija li l-Mulej ikompli jberikna permezz tagħkom: “Jitbierku bik it-tribujiet kollha tal-art” (Ġen 12:4).
Ġesù, fil-Kelma li jagħtina llum, jagħtina kriterju ta’ umiltà importanti. L-ewwel nett jibgħatna bħala qaddejja, mhux imħallfin: “Tiġġudikawx, biex ma tkunux iġġudikati; għax bl-istess ġudizzju li tagħmlu intom, tkunu ġġudikati; u bl-istess kejl li tkejlu intom, jitkejjel lilkom” (Mt 7:1-2). Jien nawguralkom li l-kejl tagħkom ikun kejl qawwi fil-ħniena, qawwi fis-sabar, qawwi fit-tenerezza, qawwi fil-viċinanza. Huwa kejl li bih intom tkejlu r-relazzjonijiet tagħkom ma’ Alla, bejnietkom u mal-isqof, mas-superjur tal-Ordni; “u l-kejl li tkejlu intom, jitkejjel lilkom” (Mt 7:2) ukoll. Il-kejl tagħkom ikun kejl ta’ ħniena biex tirċievu l-ħniena; il-kejl tagħkom irid ikun kejl ta’ kompassjoni u ta’ tenerezza, u hekk ukoll tirċievu mill-poplu ta’ Alla u anke mill-Knisja. Il-kejl tagħkom ikun ta’ għotja totali, u l-Mulej jipprovdilkom.
Kunu afu imma, li quddiem Alla, il-kejl tagħna ħafna drabi donnu vojt. “Mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn” (Ġw 15:5). Aħna rridu niftakruha din il-Kelma ħuti. Ma niddejqux immorru bil-kejl tagħna vojt quddiem Alla, u ngħidulu bl-umiltà kollha: imliehuli int bil-ħniena tiegħek; il-kejl tiegħi imliehuli inti bit-tenerezza tiegħek, bis-safa tiegħek, bil-paċenzja tiegħek, bil-kompassjoni tiegħek. Dan il-kejl li aħna nirċievu mingħand Alla nkunu nistgħu naqsmuh ma’ ħutna.
Il-Mulej jagħtina wkoll kriterju ta’ korrezzjoni. Jiena u nikkoreġi lil ħija, lil oħti, lill-komunità, nieħu ħsieb li din il-kelma tkun tgħodd għalija wkoll. Dan huwa l-ispirtu li bih aħna nistgħu niftħu fommna; għax inkella quddiem id-dgħufija tagħna, id-dnubiet tagħna, nistgħu nogħtru u nimblukkaw. Meta aħna, b’umiltà kbira, nifhmu li l-Kelma tiġġudikana hi, mhux niġġudikawha aħna, allura nkunu qegħdin fis-sod. Jiena naqsam il-Kelma li twiddeb lili u li twiddeb lil ħija u lil oħti, imma b’dak l-ispirtu, bl-ebda arroganza jew sens ta’ superjorità, l-ebda sens ta’ xi bravura awtoriferenzjali, imma b’servizz lejn il-Kelma u lejn ħuti.
Nawguralkom għeżież presbiteri, f’din is-sena tal-ġublew. Sena tal-ġublew ifisser ukoll sena li fiha nistrieħu iżjed fil-Mulej, li aħna nerġgħu nirritornaw għall-imħabba tal-bidu; li aħna nitolbu lill-Mulej isaffina, isaffilna l-imħabbiet kollha tagħna, jippurifikalna l-ġerħat tal-passat u jagħmel minna strument dejjem iżjed umli. Don kbir, li nħoss jiġi biss biż-żmien, huwa l-għerf tal-umiltà. Il-Mulej jagħtina wkoll l-għerf Divin, li aħna utli, imma mhux indispensabbli. Il-Mulej jinqeda bina, imma mingħajrna r-rota ddur, nispera li mhux aħjar, imma ddur. Iżjed ma jgħaddi żmien minn fuqna, iżjed nifhmuha din; u fl-istess ħin nifhmu wkoll il-Mulej x’ħarsa ħanina tefa’ fuqna, u permezz tagħna, fuq il-poplu għażiż tiegħu. Min aħna aħna biex nifhmu l-misteru tal-qalb tal-bniedem u nitkażaw? Min aħna? Min aħna biex aħna nifhmu l-profondità tal-qalb tal-bniedem? Alla biss huwa kapaċi jiġġudika, għax Alla biss jafna iżjed milli nafu lilna nfusna. Allura tagħtina ferħ kbir u konsolazzjoni kbira l-Kelma li tgħidilna: “Qabel ma sawwartek fil-ġuf, għaraftek” (Ġer 1:5); “naf meta toqgħod u meta tqum, nagħraf mill-bogħod ħsibijietek” (Salm 139:2).
F’mument bħal dan, nintelqu bħal tarbija f’ħoġor ommha. Nawguralkom għeżież presbiteri, li intom issibu paċi fil-komunità, u ssibu wkoll min iħobbkom tassew. Nifhem li iżjed ma nikbru, iżjed issir urġenti r-risposta għall-imħabba, għax il-bniedem mingħajr imħabba ma jgħixx. Għalhekk nawguralkom li fil-ministeru tagħkom issibu min iħobbkom u li tħobbu, biex il-ministeru tagħkom, is-servizz tagħkom, ikollu t-togħma bnina tal-ħobż, li minn hawn u ftit ieħor jasal fuq l-artal, ħalli l-id li twasslu fuq il-mejda u bil-kelma tas-saċerdot u bil-qawwa tal-Ispirtu, isiru l-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù. 25 sena ilu, l-Isqof qalilkom dan il-kliem qaddis: “Ilqa’ l-offerta tal-poplu qaddis ta’ Alla; ifhem sewwa dak li qed tagħmel, fassal ħajtek fuq dak li għandek f’idejk; agħmel li ħajtek tkun tixbah lill-misteru tas-Salib tal-Mulej’. Imma s-salib huwa tieqa għall-qawmien mill-imwiet. Huwa proċess li ngħaddu minnu f’ħajjitna u kuljum. ‘Il-Mulej, li beda din l-opra tajba fikom, iwassalha sat-tmiem’.
✠ Charles Jude Scicluna
Archbishop of Malta
Qari tal-Quddiesa
Qari I: Ġen 12:1-9
Salm: 32 (33):12-13,18-19,20 u 22
L-Evanġelju: Mt 7:1-5