L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Hemm affarijiet fil-ħajja li nagħmluhom, li huma importanti, u li kultant ma niqfux nirriflettu fuqhom. Waħda minnhom hi r-radd tas-salib, meta aħna ngħidu: “Fl-isem tal-Missier, u tal-Iben, u tal-Ispirtu s-Santu”. Hija xi ħaġa importanti ħafna!
Il-festa kbira tal-lum – is-solennità tat-Trinità Qaddisa – tgħinna biex nirriflettu fuq dak li nagħmlu dejjem meta rroddu s-salib, u ħafna drabi wkoll bit-talb tal-quddies, meta aħna ngħidu li qed insellmu lill-Missier, lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu.
Din hi l-festa tal-lum: Alla li aħna nemmnu fih hu Alla wieħed, u hemm tliet persuni: il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Hi xi ħaġa kbira ħafna li aħna bil-moħħ żgħir tagħna ma nistgħu qatt nifhmu kompletament. Imma jekk Ġesù għarrafna dan, qalulna għax ried jurina, minn kif nistgħu nifhmu aħna, min hu Alla, u min hu Alla għalina.
Il-milja tal-imħabba
Meta qed niċċelebraw illum il-festa tat-Trinità Qaddisa, qed niċċelebraw lil Alla li hu l-milja tal-imħabba. F’Alla hemm l-imħabba biss, u l-imħabba fil-milja tagħha. Għalhekk hemm dik il-komunjoni sħiħa tal-persuni.
U Alla ried li jaqsam dan magħna wkoll: jurina l-ħajja intima tiegħu, li hi din l-imħabba sħiħa.
Ried ukoll li lilna jseħibna f’din il-ħajja tiegħu. Dan hu tassew sabiħ għalina, għaliex Alla mhux qiegħed hemm biex nirriflettu fuqu mill-bogħod, u ngħidu “hemmhekk hemm Alla li hu l-milja tal-imħabba”, imma ried li lilna jseħibna miegħu f’din il-ħajja. Għalhekk meta lilna ħalaqna xbieha tiegħu u meta fdiena, tana din il-possibiltà li aħna nipparteċipaw bis-sħiħ f’din l-imħabba; u li fil-ħajja nagħrfu li l-isbaħ esperjenza hi meta nħobbu u meta nkunu maħbuba. Hija l-isbaħ esperjenza għax isseħibna tassew, u tagħtina ħjiel mill-ħajja ta’ Alla.
L-isbaħ u l-aħjar
Din hi s-sejħa li qed jagħmel il-Mulej ukoll lilna llum permezz ta’ din il-festa: li aħna nagħrfu li aħna maħluqin xbieha ta’ Alla Trinità, l-imħabba fil-milja tagħha, u għalhekk l-istil tal-ħajja tagħna għandu jkun iktar u iktar jirrifletti dan. U li nagħrfu li kulfejn aħna, bil-limitazzjonijiet kollha tagħna u bid-difetti kollha tagħna, nagħmlu ħilitna biex ngħixu din l-imħabba, hemmhekk ikollna tassew l-isbaħ u l-aħjar fil-ħajja tagħna.
Din taraha tiġri. L-esperjenza tal-ħajja turina dan. Meta l-imħabba tkun kif għallimielna Alla – jiġifieri għotja sħiħa, għotja ta’ qadi u servizz – hemmhekk għandek tassew l-imħabba ta’ Alla. Importanti llum fi żmienna – u dil-festa tfakkarna f’dan – li aħna l-imħabba nifhmuha kif urihielna u kif għallimielna Alla. Mhux kull min isemmi “l-imħabba” jifhem l-istess. L-imħabba mhijiex li int tfittex lilek innifsek, jew inkella li tattira l-attenzjoni fuqek innifsek, jew li tipprova timpressjona b’li tagħmel, jew li tfittex biss il-pjaċir u l-gosti tiegħek. Mhijiex din l-imħabba li għallimna l-Mulej, u mhjiex din l-imħabba li tgħallimna llum it-Trinita Qaddisà. Hi l-imħabba li tfisser għotja, u f’din l-għotja lill-oħrajn, aħna nsibu tassew l-imħabba, ngħixu tassew u nissieħbu mal-Mulej f’din l-imħabba tiegħu.
Dar ta’ mħabba
Illum hu sabiħ li f’din il-festa tat-Trinità qegħdin fid-Dar tal-Kleru, għaliex hawnhekk hawn saċerdoti, reliġjużi, u l-Qaddejja taċ-Ċenaklu, li kontinwament jagħmlu ħilithom biex jgħixu dak li tfisser it-Trinità fil-ħajja ta’ kuljum. Hawnhekk hawn din l-għanja ta’ mħabba, din l-imħabba li tfisser għotja, l-imħabba li tfisser li l-bniedem isib l-isbaħ u l-aħjar proprju fl-għotja tiegħu nnifsu jew tagħha nnifisha.
Għalhekk illum nirringrazzjaw lill-Mulej għal dawk kollha li huma residenti hawnhekk fid-Dar tal-Kleru. Nirringrazzjawh għall-Qaddejja taċ-Ċenaklu li qed jagħtu servizz hawnhekk. U nitolbu llum, aħna u niċċelebraw il-festa tat-Trinità, li dejjem niftakru f’dak li t-Trinità ssejħilna għaliha: li ħajjitna tkun tassew sabiħa meta mimlija bl-imħabba ta’ Alla. Hemm insibu l-aqwa fil-ħajja tagħna, u iktar ma nkunu nixbħu lill-Mulej, isbaħ tkun il-ħajja tagħna.
Nissieħbu mal-Mulej
Nixtieq insellem ukoll illum lil dawk kollha li qegħdin isegwu l-quddiesa trasmessa u li b’xi mod jew ieħor, jew għax huma morda jew għax anzjani, ma jistgħux jieħdu sehem fil-quddiesa tal-Ħadd billi jmorru l-knisja. Inħeġġiġhom ħafna biex jissieħbu mal-Mulej f’din l-imħabba, anke billi joffru l-mard tagħhom, it-tbatijiet tagħhom, u joffru dan biex isbaħ tkun il-ħajja għax mimlija bl-imħabba mal-Mulej.
Nitolbu lill-Mulej illum, aħna u nsellmu lit-Trinità Qaddisa u nagħtu glorja lilha. Nitolbu lill-Mulej biex kull darba li rroddu s-salib, kull darba li ngħidu “Fl-isem tal-Missier, u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu”, aħna nimpenjaw ruħna li ngħixu bl-istess stil ta’ mħabba ta’ Alla.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta