Photo by SHVETS production

L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40). Dan hu l-kliem li jgħid Ġesù llum fl-Evanġelju skont San Mattew, meta jsemmi dawk li aħna nafuhom bħala l-opri tal-ħniena. Jgħid: kont bil-ġuħ, bil-għatx, barrani, għeri, marid, u fil-ħabs. Jgħid li jistenna minna, li aħna dixxipli tiegħu, li aħna nieqfu ma’ dawk li huma fil-bżonn għax fuq hekk se nkunu ġġudikati. 

Il-Papa Franġisku jgħaqqad flimkien il-Beatitudnijiet mal-opri tal-ħniena. Jgħid li hemm Beatitudni partikulari hawnhekk – “Henjin dawk li jħennu għax huma jsibu ħniena”. Ġesù jispjega x’jiġifieri tħenn. Il-Papa jgħid kemm hu importanti li aħna nagħrfu l-miżerja ta’ tant nies fil-bżonn, “nisimgħu l-karba tagħhom” (Misericordiae vultus, 15) u ma nibqgħux indifferenti quddiem il-karba tagħhom. Għandna dejjem nagħmlu ħilitna biex nieqfu ma’ dawk li huma fil-bżonn.

Li jolqotna ħafna f’din is-silta huwa li Ġesù jsemmi affarjiet li mhux forsi xi darba f’ħajtek tiltaqa’ magħhom, imma li niltaqgħu magħhom f’ċirkustanzi tal-ħajja ta’ kuljum fejn nistgħu ngħixu tassew din l-imħabba lejn l-oħrajn. U dawn li jsemmi Ġesù huma eżempji; hemm oħrajn fl-istess spirtu ta’ dan il-kliem ta’ Ġesù. B’liema mod nieqfu ma’ dawk li huma fil-bżonn? Meta aħna ngħidu kelma ta’ inkoraġġiment, ikollna tbissima li tagħti l-qalb lil dak li jkun, meta nagħtu parir siewi, meta naħfru, meta nieħdu paċenzja bil-persuni, anke l-edukazzjoni nnifisha. Dawn kollha huma mezzi kif aħna ngħinu lil dawk li huma fil-bżonn. 

Imma l-Papa jgħid kemm hu importanti li aħna ma niċċensurawx il-kliem ta’ Ġesù u ninsew xi waħda minn dak li jsemmi. U jitfa’ anke l-attenzjoni tagħna partikolarment fuq “Kont barrani u lqajtuni” (Mt 5:35) u “Kont barrani u ma lqajtunix” (Mt 5:43). Jgħid kemm hu importanti li aħna jkollna f’qalbna r-rispett lejn id-dinjità ta’ dawk li huma barranin, u speċjalment ta’ dawk li huma fil-bżonn. Kultant fil-barrani għandek ukoll l-opri l-oħra tal-ħniena: min hu bil-ġuħ, min hu bil-għatx, min ma għandux x’jilbes. Irrid insemmi li ma nistgħux aħna ninsew lil dawk li kultant żmien iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet kbar fil-baħar Mediterran, u kultant jispiċċaw mejta. Il-bieraħ stess, aktarx iktar minn mitt ruħ spiċċaw mejta f’Nawfraġju fi Crotone, l-Italja. Dawn in-nies telqu minn Turkija jfittxu min jilqagħhom u l-esperjenza tagħhom kienet “ma lqajtuniex” u spiċċaw mgħarrqa. Ma nistgħux aħna nagħlqu għajnejna għal dan il-kliem li qed jgħid Ġesù.

Irridu niftakru li Ġesù jidentifika ruħu ma’ dawk li huma fil-bżonn. Ma jgħidx biss “araw min jeħtieġ l-għajnuna, u agħtuh l-għajnuna” jew “tgħallmu minn dak li għedtilkom, u agħtu l-għajnuna”. Ma jiqafx hemm, imma jgħid “Kulma għamiltu mal-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi”. Jiġifieri jekk jien qed ngħin lil xi ħadd, Ġesù jgħoddu bħala għemil ta’ għajnuna għalih. Għalhekk kull meta aħna ngħinu lil xi ħadd li hu fil-bżonn – anke jekk ikun xi ħadd antipatiku, jew maħmuġ, jew li jdejjaqna, jew xi ħadd li jkun se jtellfilna s-sabar – kull meta ngħinu, qed nagħmlu l-għemil lil Ġesù, għax hu qal: “għamiltuh miegħi”. 

Il-Papa jsemmi kemm hu importanti li t-talb tagħna lilna jgħinna biex naħsbu f’dawk li huma fil-bżonn. Għaliex? Għax fit-talb niltaqgħu ma’ Ġesù, nisimgħu lilu u nitkellmu miegħu; imma f’min hu fil-bżonn niltaqgħu wkoll ma’ Ġesù. U t-talb veru għandu jkun dak li jwassalna, li jiftħilna qalbna għal dawk li huma fil-bżonn. Jgħinna biex ma ninsewhomx. B’dal-mod it-talb ikun tassew laħaq l-iskop tiegħu. Meta aħna ninġabru għall-quddiesa, l-isbaħ talba, għandha tgħinna biex nimtlew bl-imħabba ta’ Alla, imbagħad timbuttana biex nieqfu ma’ dawk li huma fil-bżonn.  Nitolbu lill-Mulej il-grazzja li aħna jkollna dejjem fiċ-ċentru l-persuna fil-bżonn, biex niftħu qalbna għal min jgħaddej minn tbatija, għal min qed jokrob għall-għajnuna. Nitolbuh biex aħna qatt ma ngħaddu minn fejn in-nies b’ħarsa indifferenti, b’qalb magħluqa, jew bil-pass imgħaġġel.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta