Permezz tas-silta li qrajna llum mill-Evanġelju, inħoss li Ġesù jgħallimna lezzjoni għażiża. Ħafna drabi nkunu għaddejjin mill-maltemp, kemm bħala Knisja, kemm bħala soċjetà, u kemm bħala individwi. Maltemp li jħabbatna personalment u individwalment. Lill-Mulej ngħidulu: “Salvana! Se nintilfu!” (Mt 8:25). Inħossuh li hu rieqed, la jisma’, la jara. Il-Mulej illum jgħidilna din il-kelma li ta’ min ngħożżuha. “Dan il-biża’ kollu għalfejn, ja nies ta’ fidi ċkejkna?” (Mt 8:26).

Jgħidilna: ‘Forsi taħsbuni rieqed, imma jiena magħkom. Jiena lest insikket it-tempesti, inwaqqaf l-irwiefen u nġib kalma kbira fil-ħajja tagħkom’. Imma x’qed jitlob minna l-Mulej? Jitlob il-fiduċja, il-fidi tagħna fih. “Dan il-biża’ kollu għalfejn, ja nies ta’ fidi ċkejkna?” (Mt 8:26).

Kemm hi ħaġa sabiħa li lill-Mulej nitolbuh din il-grazzja: Qawwi l-fidi ċkejkna tagħna. Agħtina l-paċi anke meta inti rieqed magħna, fostna. Forsi m’aħniex nisimgħuk, m’aħniex narawk tilmaħ il-ħarsa tagħna, imma qiegħed magħna. Qawwina fin-nuqqas ta’ fidi tagħna.  

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Għam 3:1-8; 4, 11-12
Salm: 5:5-6,7,8
L-Evanġelju: Mt 8:23-27