L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Żewġ nisa jiltaqgħu u mhumiex weħidhom għax fil-ġuf tagħhom qed iġorru lil uliedhom. Iż-żjara ta’ Marija lil Eliżabetta hi l-laqgħa ta’ erba’ persuni: iż-żewġ ommijiet u wliedhom fil-ġuf. Tant hu hekk li Eliżabetta tistqarr li malli semgħet il-vuċi ta’ Marija, it-tarbija li kellha fil-ġuf qabżet bil-ferħ (Lq 1:45). Tarbija fil-ġuf diġà għalqet sitt xhur, mentri t-tarbija li l-Madonna qiegħda ġġorr fil-ġuf tagħha, l-Iben t’Alla magħmul bniedem, għadu kif tnissel għax il-Madonna tiġi mbuttata mill-imħabba lejn il-proxxmu, propju kif tisma’ lill-anġlu Gabrijel jgħidilha: “Il-qariba tiegħek Eliżabetta diġa qiegħda fis-sitt xahar tat-tqala, dik li kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal” (Lq 1:36).

U nistgħu ngħidu li d-dettall li jagħtina l-Evanġelju ta’ San Luqa fl-aħħar ta’ din is-silta sabiħa li smajna, li l-Madonna waqfet għand Eliżabetta għal tliet xhur, ifisser li l-Madonna baqgħet ma’ Eliżabetta sakemm welldet lit-tifel tagħha li mbagħad semmietu Ġwanni, magħuf bħala Ġwanni l-Battista għax meta kiber għammed lill-Mulej Ġesù u beda wkoll il-magħmudija tal-indiema, għalhekk Ġwanni l-Battista.

Biss huma żewġ nisa li jipprofetizzaw li l-Mulej, l-ispirtu qaddis tiegħu, jispirahom biex jgħidu kliem li hu lil hemm minn dak li forsi jista’ jifhem moħħ il-bniedem. Għaliex? Għax Eliżabetta lill-Madonna tgħidilha li hi hienja għax emmnet li jseħħ kulma ntqalilha min-naħa tal-Mulej (Lq 1:45). Din hi l-profezija li tagħmel Eliżabetta hi u tkellem lil Marija. “Imbierka inti fost in-nisa u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek” (Lq 1:42).

Dan il-kliem ta’ Eliżabetta ngħiduh f’kull sliema u qaddisa li ntennu għax is-sliema u qaddisa, almenu l-ewwel parti, hi magħmula minn siltiet mill-Evanġelju ta’ San Luqa. “Sliem għalik, Marja, bil-grazzja mimlija” (Lq 1:28) hi t-tislima tal-anġlu Gabrijel lill-Madonna. “Imbierka inti fost in-nisa, imbierek il-frott tal-ġuf tiegħek” (Lq 1:42), it-tieni biċċa tas-sliema, hi ġejja propju mill-profezija ta’ Eliżabetta.

Imbagħad hemm it-talba tal-Knisja: ‘itlob għalina midinbin issa u fis-siegħa tal-mewt tagħna’. Imma s-sliema u qaddisa li ngħidu fir-rużarju, ngħidu għal 50 darba hi ispirata propju mill-Evanġelju. U llum fil-profezija ta’ Eliżabetta, smajna dak ntennu minn ċkunitna, forsi ma nifhmux minn fejn ġejja wkoll din it-talba sabiħa, imma llum irridu napprezzaw li anke r-Rużarju bbażat ħafna u t-talb li nużaw fuq l-Iskrittura. Anke l-Missierna hi t-talba li għallimna Ġesù.

Il-Madonna bħala risposta għall-profezija ta’ Eliżabetta tinfexx f’għanja li hi ispirata wkoll mill-Iskrittura nnifisha għax tixbah ħafna t-talba li għamlet omm Samwel. Omm Samwel, meta hi, li kienet ilha tistenna biex ikolla tifel u kienet ukoll immaqdra mis-seftura tar-raġel tagħha, titlob lil Alla d-don ta’ tifel. Meta Alla jisma’ t-talba tagħha, tinfexx f’għanja li tixbah ħafna l-għanja li tagħmel il-Madonna. Il-Madonna tagħraf iċ-ċokon tagħha, il-kobor tal-ħniena ta’ Alla. 

Interessanti wieħed jieqaf fuq it-talba li ngħidulha l-Magnificat għax bil-Latin ‘ruħi tfaħħar’ hu magnificat. Il-Magnificat għax bil-Latin huma l-ewwel espressjoni li hemm f’din ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej. Din it-talba li l-Knisja titlob kuljum fit-talb ta’ filgħaxija hi talba li tghanni l-ħniena tal-Mulej li jieħu ħsieb iċ-ċkejknin u tfaħħar ’l Mulej għall-kobor tiegħu: “qaddis hu l-isem tiegħu” (Lq 1:49).

Il-Madonna wkoll ħin minnhom mhux biss tistqarr il-kobor tal-ħniena ta’ Alla u ċ-ċokon tagħha imma tgħid ukoll espressjoni li aħna l-Insara sikwit niftakru u nirrepetu meta nqimu lill-Madonna: “Min issa ’l quddiem kull nisel isejjaħli hienja” (Lq 1:48). Hi wkoll il-profezija li l-Madonna tagħmel fuq il-vokazzjoni tagħha li tkun Omm Alla. Hi vokazzjoni li switilha mhux flus imma ħafna inkwiet u ħafna tbatija imma wkoll li mill-bidu tagħha, timbuttaha għall-karità. Din it-tfajla rżina, sabiħa minn ġewwa u minn barra, li l-anġlu tal-Mulej jgħidilha: inti fi ħdanek se ġġorr lill-Iben t’Alla magħmul bniedem, tinsa lilha nfisha u tmur taqdi lill-qariba tagħha Eliżabetta li fi xjuħitha – għax hekk jgħid Gabrijel – fi xjuħitha hi li ma setax ikollha tfal, għandha iben fil-ġuf u diġà qiegħda fis-sitt xahar tat-tqala (Lq 1:36). U tibqa’ hemnhekk issostni lil Eliżabetta, tkun magħha sakemm twelled lil dak imbagħad nkunu nafu – fl-24 ta’ Ġunju, dalwaqt niċċelebraw it-twelid tal-Battista – jissemma minn missieru Ġwanni, ‘Alla ħanin’.

Ejjew nirringrazzjaw lil Alla ta’ din il-festa li qegħdin nagħmlu llum. Min għandu xi dubju dwar kemm il-Knisja tqim l-mara li ġġorr it-tarbija fil-ġuf, iħares lejn din il-festa. Aħna fil-gżejjer tagħna għandna parroċċa ddedikata wkoll lill-Viżitazzjoni fil-gżira; fid-djoċesi ta’ Għawdex hemm il-parroċċa antika tal-Għarb li propju tiċċelebra din il-festa bħala festa titulari u din il-laqgħa taż-żewġ nisa hi verament, kif għedt fil-bidu, il-laqgħa ta’ erba’ persuni: żewġ ommijiet li qed iġorru fil-ġuf tagħhom lil uliedhom.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Sof 3:14-18
Salm: 12, 2-6
L-Evanġelju: Lq 1:39-56