Għall-familji kollha u għan-nies tal-Parroċċa hija ġurnata ta’ ferħ l-aktar kbir l-ordinazzjoni saċerdotali ta’ xi wieħed minn uliedha. Aħna nifirħu wkoll meta nfakkru din il-ġurnata kull sena.  Illum qegħdin nistednukom biex tifirħu magħna u ma’ dawk kollha li huma membri ħajjin ta’ pajjiżna biex infakkru jum l-ordinazzjoni saċerdotali tal-Qaddej t’Alla l-Isqof Galea.

Huwa kien ġie ordnat saċerdot fil-Katidral tal-Imdina mill-Arċisqof Mauro Caruana fit-18 ta’ Diċembru 1915. Ħabb u żamm b’għożża kbira s-saċerdozju li huwa ġie mogħti. Għex ħajja mill-aktar eżemplari u qaddisa kull ġurnata tas-saċerdozju tiegħu. Tkellem b’entużjażmu kbir fuq is-saċerdozju f’kull okkażjoni li kien ikollu, speċjalment meta kienu jistednuh biex jippriedka fl-Ewwel Quddiesa solenni ta’ xi saċerdot żagħżugħ jew inkella f’xi ġublew tas-saċerdozju ta’ oħrajn.

Ftit wara li sar Isqof ippublika ktejjeb fuq is-Saċerdozju Kattoliku u wera l-għaxqa tiegħu għas-saċerdozju li ħaddan.

Fl-apostolat pastorali tiegħu għen kemm felaħ liż-żgħażagħ kollha li fittxew il-pariri jew l-għajnuna tiegħu u dejjem wera s-sbuħija tal-ħajja saċerdotali u r-responsabilta’ kbira tagħha quddiem Alla u quddiem il-poplu. Ma nsibux żmien li fih ma ħadimx għat-Tagħlim, għal-predikazzjoni u għal-pariri lil kull min kien imur għandu. Kien jgħaddi ħinijiet twal fil-konfessjonarju. L-imħabba kbira tiegħu lejn Ġesu Ewkaristija tispikka fuq kull imħabba oħra. Kien saċerdot qaddis u umli.

Il-Kappillan u l-Parroċċa ta’ Ħal Balzan se jfakkru il-95 sena mill-ordinazzjoni saceċerdotali tal-Qaddej t’Alla, l-Isqof Emanuel Galea biċ-ċelebrazzjoni ta’ Quddiesa, priedka u ħin ta’ talb nhar is-Sibt, 18 ta’ Diċembru 2010 fil-5.15 p.m.

Qegħdin nistiednu lil kulħadd biex jieħu sehem ħalli nitolbu ħafna flimkien biex Alla jisma talbna u jagħtih il-glorja li jiġi magħruf u meqjum bħala Beatu.

Nistiednu ukoll lil kulħadd, speċjalment lil-gruppi u lill-familji, ħalli jmorru jżuru l-qabar tiegħu fl-Istitut ta’ Ġesu Nażżarenu fiż-Żejtun u jitolbu ħafna għal din l-istess fehma.

Mons. Alwiġ Deguara, Viċi Postulatur