Il-5 ta’ Mejju, kien propju l-jum li ġie elett l-ewwel Papa Amerikan għall-Knisja Kattolika, il-Papa Ljun XIV. Mill-5 ta’ Mejju għaddew propju 5 xhur.
F’dan l-artiklu Newsbook Malta se jagħti ħarsa lejn il-ħidma li wettaq s’issa l-Papa Ljun XIV.
Tul dawn il-5 xhur ta’ Papat, il-Papa Ljun XIV wettaq ħafna ħidma siekta, u minflok għamel tibdiliet drastiċi għażel illi propju fl-ewwel xhur josserva u jisma’. Iltaqa’ mal-Kulleġġ tal-Kardinali kif ukoll b’mod personali mal-mexxejja ta’ oqsma diversi fil-Vatikan.
Element ieħor li jispikka fil-Papa Ljun XIV huwa li għażel li jqatta’ ammont sotanzjali mal-pellegrini li żaru l-Vatikan kif ukoll ma’ udjenzi diversi. Hekk kif diversi ritratti u filmati bdew jiċċirkulaw fuq il-midja soċjali, f’dawn l-udjenzi, il-Papa Ljun XIV bierek mijiet ta’ trabi u tfal u fl-udjenza tas-6 ta’ Awwissu kellu konverżazzjonijiet daqsxejn itwal minn tas-soltu ma’ koppji li kienu għadhom kif ingħaqdu fis-sagrament taż-żwieġ.
Il-fatt li dan il-Papa kapaċi jitkellem bi tliet lingwi, l-Ingliż, l-Ispanjol u t-Taljan, qed tkun iktar faċli sabiex tinbena relazzjoni mal-poplu ta’ Alla, għaliex il-messaġġ li l-Papa Ljun XIV ikun jixtieq iwassal ikun qed jiġi mwassal permezz tal-lingwa tagħhom.
F’dawn l-aħħar jiem ġiet ippublikata wkoll l-ewwel Eżortazzjoni Appostolika; Dilexi te (Jien ħabbejtek), dokument li oriġinarjament kien mibdi mill-Papa Franġisku qabel miet. Għalkemm tkomplija tal-Papa Franġisku, f’din l-ewwel pubblikazzjoni tal-Papa Ljun XIV, naraw iktar ħsibijiet tiegħu fuq il-ħajja tan-nisrani għal-ewwel darba.
Il-messaġġ ewlieni ta’ din l-Enċiklika huwa fuq l-imħabba ta’ Alla għal dawk kollha li huma parti mill-periferija tas-soċjetajiet tagħna. Dokument li jiddiskuti wkoll id-definizzjoni tal-faqar fl-2025; l-esklużjoni soċjali, in-nuqqas ta’ drittijiet kif ukoll in-nuqqas ta’ riżorsi fost l-oħrajn.
Dokument li huwa xhieda ċara ta’ kif il-Papa Ljun XIV se jkompli fuq il-ħidma li kien beda s-suċċessur tiegħu, il-Papa Franġisku filwaqt li jaqsam magħna l-ħsibijiet tiegħu.
Source: Newsbook.com.mt
Article written by Maria Emma Buhagiar