49 persuna temmew b’suċċess wieħed mis‑sitt korsijiet li ġew offruti matul l‑aħħar sena akkademika mill‑Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali flimkien ma’ entitajiet oħra tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta. Iċ‑ċerimonja annwali tal‑gradwazzjoni saret ilbieraħ, it‑Tnejn 22 ta’ Novembru 2021, fil‑Katidral ta’ San Pawl, l‑Imdina, u tmexxiet mill‑Arċisqof Charles Jude Scicluna. Iċ‑ċerimonja bdiet b’quddiesa ta’ ringrazzjament u wara saret il‑preżentazzjoni taċ‑ċertifikati.
Il‑korsijiet li temmew il‑parteċipanti kienu: fl‑oqsma tal‑familja, it‑teoloġija, l‑ekumeniżmu, il‑kura pastorali fl‑iskejjel, l‑istudji fl‑ispiritwalità Injazjana, u l‑iskopertà tal‑fidi permezz tal‑arti. Il‑korsijiet jaqgħu taħt il‑ħames u s‑sitt livell tal‑Malta Qualifications Framework (MQF) u tal‑European Qualifications Framework (EQF).
L‑Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali din is‑sena beda s‑16‑il sena ta’ ħidma, u din kienet l‑14‑il ċerimonja ta’ gradwazzjoni. L‑Istitut twaqqaf fl‑2005 biex iwieġeb għas‑sejħa li ħarġet mis‑Sinodu Djoċesan li joffri formazzjoni lill‑Insara li jixtiequ jinżlu aktar fil‑fond fl‑għarfien tal‑fidi u jagħtu kontribut aħjar fil‑Knisja u fis‑soċjetà.
Fis‑sena akkademika preżenti, l‑Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali u diversi entitajiet formattivi oħra fil‑Knisja qed joffru tmien korsijiet differenti. Fost dawn hemm il‑kors ‘Il‑Kura Pastorali fl‑Iskejjel’li se jibda fit‑8 ta’ Jannar, ‘Il‑Ministeru Pastorali tal‑Familja’ li se jibda fil‑11 ta’ Jannar, ‘L‑Iżvilupp tar‑Responsabbilità Ambjentali’ li se jibda fil‑25 ta’ Jannar, ‘Il‑Fidi u l‑Arti’ li se jibda fl‑1 ta’ Frar u l‑kors dwar ‘L‑Esperjenza Umana ta’ Alla fit‑Talb’ li se jibda fil‑5 ta’ Frar 2022.
Għal iktar informazzjoni dwar il‑korsijiet żur pfi.edu.mt.