Madwar mitt rappreżentant minn tmienja u erbgħin għaqda differenti attendew għall-laqgħa li saret nhar l-Erbgħa, 25 ta’ Novembru 2009, u li matula tnediet il-mixja lejn il-laqgħa taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin mal-Papa Benedittu XVI, li ser issir nhar il-Ħadd 18 ta’ April 2010 fil-Waterfront, il-Belt.  Matul din il-laqgħa, organizzata mill-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ, li għandha r-responsabbilita li tikkoordina l-programm u l-loġistika ta’ din il-laqgħa, beda l-proċess ta’ konsultazzjoni mal-membri tal-għaqdiet taż-żgħażagħ fi ħdan il-parroċċi, l-movimenti u l-ordnijiet tar-reliġjużi kif ukoll ma’ għaqdiet oħrajn ta’ natura sekulari li kienu wkoll preżenti għal dawn id-diskussjonjiet sabiex jagħtu sehmhom fit-tiswir ta’ l-identita li għandha tieħu din il-laqgħa mal-Papa Benedittu. Għal din il-laqgħa kien hemm ukoll rappreżentanza taż-żgħażagħ Għawdxin.

Il-mistoqsija ċentrali ta’ din il-laqgħa kienet iddur mal-viżjoni li għandu jkollna bħala Knisja żagħżugħa għal din l-opportunita li ser iġġib fil-qrib liż-żgħażagħ mal-Papa. Diversi diriġenti ta’ movimenti, kif ukoll żgħażagħ preżenti, esprimew il-fehma tagħhom li l-mixja lejn din l-okkażjoni għandha tkun waħda li tressaq il-Knisja qrib ta’ żgħażagħ li jħossuhom ‘il bogħod minnha minħabba sitwazzjonijiet personali jew soċjali li jistgħu isibu ruħhom fihom.  Għaldaqstant iż-żgħażagħ saħqu fuq il-bżonn li għalkemm huma membri ta’ għaqdiet differenti li jħaddnu kariżmi differenti, għandhom ifittxu li jikkumplimentaw lil xulxin fil-ħidmiet tagħhom, b’impenn fil-ħidma tagħhom matul din il-mixja fix-xhur li ġejjin. Huma għamlu enfasi fuq is-sensitivita li għandha tinħoloq permezz ta’ sens ta’ komunjoni bejniethom sabiex ifittxu li jkunu qrib ta’ żgħażagħ li jinsabu emarġinati jew aljenati mill-Knisja.

Il-programm. li ser ikun imħejji miż-żgħażagħ impenjati fl-għaqdiet bil-ko-ordinazzjoni tal-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ. jibda hekk kif jintemm l-Anġelus immexxi mill-Papa Benedittu fuq il-Fosos tal-Furjana, u jinkludi erba’ sigħat ta’ preparazzjoni għal wasla tal-Papa, siegħa laqgħa mal-Papa u siegħa oħra wara din il-laqgħa. Ir-rappreżentanti tal-għaqdiet preżenti għal laqgħa taw diversi suġġerimenti u ideat dwar il-kontenut ta’ dan il-programm, fosthom kunċerti minn mużiċisti żgħażagħ, diskussjonijiet u attivitajiet oħrajn organizzati miż-żgħażagħ fl-għaqdiet. Żgħażagħ huma mħeġġa jkomplu jibgħatu s-suġġerimenti tagħhom ta’ ideat u proġetti li jistgħu jitwettqu waqt dan il-programm, kif ukoll matul ix-xhur li ġejjin f’mixja lejn il-laqgħa taż-żgħażagħ mal-Papa billi jibgħatu email lil Maria fuq [email protected] jew iħallu l-messaġġ tagħhom f’dan il-blog. B’hekk flimkien nagħmlu minn din l-opportunita mhux biss attivita imma esperjenza.

Artiklu miktub minn Maria C. Borg

Agħfas fuq ir-ritratt biex tkabbar. Ħalli l-kummenti tiegħek hawn taħt.