Proprju fil-Jum tal-Milied, Loop Djakonija Parroċċi se tkun qed tqassam madwar 350 ikla speċjali f’residenzi privati fejn persuni jinsabu magħluqin fi djarhom u ma jistgħux jieħdu ħsieb li jkollhom ikla dinjituża u bnina.

Newsbook Malta rħielha lejn il-Kċina ta’ Marta li tinsab fil-kampus tas-Seminarju tal-Arċisqof fir-Rabat, fejn bosta voluntiera jinġabru matul is-sena kollha biex minn kċina żgħira jitqassmu madwar 1,200 ikla fil-ġimgħa.

Għaldaqstant, fiż-żmien tal-Milied minflok ma tonqos il-produzzjoni, il-voluntiera jieħdu ħsieb li jintensifikaw il-proċess sabiex jippreparaw ikla iktar speċjali għal dawk kollha li jinsabu maqfulin fi djarhom, u ma jistgħux ikollhom ikla dinjituża u bnina f’jum il-Milied.

Il-koordinatur ta Loop Djakonija Parroċċi Albert Debono stqarr li fil-Milied, Loop.mt tieħu ħsieb li tqassam ikla ta’ żewġ platti.

Dan filwaqt li fl-Iklin għaddejja ħidma oħra sabiex jiġu organizzati r-rotot biex bejn id-9am u 12pm ta’ għada, madwar 90 voluntier joħroġ iqassam dawn l-ikliet f’żewġ residenzi differenti.

Minkejja ċ-ċokon tagħha, din il-kċina ħejjiet ‘il fuq minn 100,000 ikla mill-bidu tal-operat tagħha.

Debono qal li dawn il-persuni li jirċievu l-ikliet fi djarhom ġew kollha referuti minn professjonisti diversi wara li saru l-proċessi neċessarji. Mal-ikla se tiġi offruta wkoll deżerta pprovduta minn The Alfred Mizzi Foundation, liema fondazzjoni kienet strumentali fl-implimentazzjoni ta’ din il-missjoni.

“L-importanti mhuwiex li jasal l-ikel biss, imma li jagħmlu ftit ħin jitkellmu mal-benefiċċjarji li aktarx tkun l-unika diskursata matul il-ġurnata. Biss biss insemmu li għandna 60 benefiċċjarju li se jieħdu ikla waħda minħabba li jinsabu waħedhom.”

Huwa kompla li b’kollox se jitqassmu 350 ikla f’180 indirizz minn madwar Malta kollha. Dan apparti li dakinhar isiru bosta ikliet oħrajn f’Soup Kitchens kif ukoll l-ikla organizzata minn Caritas Malta fil-Kurja tal-Arċisqof.

Ma’ Newsbook Malta tkellem ukoll Franco Buttigieg, voluntier, li wara snin kbar jaħdem fis-settur tal-ikel qed joffri ħafna mill-ħin tiegħu jieħu ħsieb il-Kċina ta’ Marta u dak kollu li jkun hemm bżonn.

Huwa spjega li l-ħin u l-enerġija li jagħti għal din il-kawża ġusta jagħmilha bil-qalb u b’libertà kbira. Fuq kollox semma li din l-offerta hija wkoll parti mid-dmir tiegħu bħala nisrani – li jagħti ħajtu għall-oħrajn.

Mal-ikla ta’ għada se jkun qed jitqassam ukoll rigal ċkejken imħejji minn bosta skejjel diversi kif ukoll xi larinġ mill-ġnien tal-Buskett b’kollaborazzjoni ma’ Ambjent Malta.

Source: Newsbook.com.mt