Bħal-lum 27 sena ilu, fil-5 ta’ Settembru tal-1997, kienet mietet Mother Tereża ta’ Kalkutta. Hija kellha 87 sena. Isimha proprju kien Anjezë (Inez) Gonxhe Bojaxhiu u fl-1931, hekk kif ħadet l-ewwel voti tagħha, sar jisimha Suor Marija Tereża tal-Bambin Ġesù.
F’Settembru tal-1946 Suor Tereża saritilha t-tieni sejħa u flok baqgħet għalliema spiċċat biex ħalliet kollox u minflok tiddedika ruħha mal-ifqar fost il-fqar.
Fl-1979 Mother Tereza ingħatat il-Premju Nobel tal-Paċi.
Wara l-mewt tagħha fil-5 ta’ Settembru tal-1997, kien infetaħ proċess ta’ beatifikazzjoni fis-26 ta’ Lulju tal-1999, tliet snin qabel suppost.
Il-miraklu attribwit għall-interċessjoni ta’ Madre Tereża, li wassal għall-Kanonizzazzjoni, kien jittratta raġel Brażiljan, li kien fl-aħħar mumenti ta’ ħajtu minħabba boċoċ f’moħħu li tefgħuh f’koma. Ir-raġel fieq għal kollox mingħajr l-operazzjoni u ma ppreżenta ebda sintomi oħra wara dakinhar.
Nhar id-19 ta’ Ottubru 2003, il-Papa Ġwanni Pawlu II iddikjara Beata lil Mother Tereża ta’ Kalkutta. Dan wara li Papa Ġwanni Pawlu II rrikonoxxa l-fejqan ta’ mara Indjana b’tumur f’żaqqha.
Il-Kanonizzazzjoni ta’ Madre Tereża ta’ Kalkutta kienet saret fl-4 ta’ Settembru tal-2016 fi Pjazza San Pietru, fil-Vatikan.
Fl-aħħar vjaġġ tagħha fl-1976, Madre Tereża kienet ġiet Malta biex tindirizza s-Sitt Kungress Dinji tal-Federazzjonijiet Lasalljani.
Ara filmat ta’ Mother Tereża meta ġiet Malta għall-ewwel darba fl-1967. Il-fundatur tal-Moviment ta’ Kana, l-mibki saċerdot Fr Charles Vella jidher jilqa’ lil Madre Tereża f’Malta.