Xejn inqas minn seba’ Christian Bands lokali se jieħdu sehem fil-ħames edizzjoni li jmiss tal-Konkors Kanzunetta Uffiċjali Jum Iż-Żgħażagħ, li ser jittella’ nhar is-Sibt 27 ta’ Frar, 2010 fit-Teatru Sależjan, tas-Sliema. Id-dħul għal dan il-Konkors hu mingħajr ħlas, u min se jattendi żgur li se joħrog sodisfatt mill-kwalita’ ta’ mużika Live li dawn il-bands żgħażagħ se joffrulna. Is-seba’ kanzunetti li gew imhejjija apposta mill-bands ghall-dan il-Konkors huma xhieda tal-fidi ħajja u l-entuzjazmu taż-żgħażagħ li juzaw it-talenti taghhom tal-muzika biex iwasslu messagg pozittiv. It-Tema magħzula ta’ din is-sena hu l-istess messaġġ tal-Papa Benedittu XVI liż-żgħażagħ għas-sena 2010 li huwa, “Mgħallem tajjeb, x’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?” (Mk 10,17). Dan il-Messaġġ hu it-tieni wieħed minn ċiklu ta’ tliet snin li jwassalna għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ 2011, li se jiġi ċċelebrat is-sena id-dieħla f’Madrid gewwa Spanja.
Il-Konkors, li jittella’ b’inizjattiva tal-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ (KDZ) huwa l-unika wieħed tax-xorta tiegħu fid-Djoċesi ta’ Malta. Din is-sena, il-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ qed tikkoordina din l-attivita’ flimkien maż-żgħażagħ Sależjani ta’ tas-Sliema. L-iskop tal-Konkors huwa li l-bands lokali, speċjalment dawk insara, jidħlu fil-mixja ċelebrattiva u evanġeliżżattiva ta’ Jum Iż-Żgħażagħ. Il-bands li se jiehdu sehem fil-Konkors ta’ din is-sena huma Altaer, Footprints, His Project, Revelation, Rise, StageCraft u The Prophecy.
Permezz tal-Konkors Kanzunetta Jum Iż-Żgħażagħ, il-Knisja f’Malta qiegħda toffri opportunita` lill-mużiċisti żgħażagħ biex jifhmu aħjar il-messaġġ bibbliku magħżul u jesprimuh bil-mod u fl-istil partikolari tagħhom permezz ta’ kanzunetta oriġinali. Dakinhar tal-Konkors, kanzunetta waħda tiġi magħżula minn ġurija bħala Kanzunetta Uffiċjali għal-bqija taċ-ċelebrazzjonijiet taż-żgħażagħ li jsiru matul is-sena 2010. L-għażla ta’ Kanzunetta Uffiċċjali, hija ta’ mportanza sekondarja ħdejn il-ħidma li kull band tkun wettqet matul ix-xhur ta’ preparazzjoni qabel il-Konkors innifsu. L-isforzi ta’ kull band, li tesprimi b’mod kreattiv u żgħażugħ messaġġ profond mill-Kelma t’Alla, jibqa’ ta’ nvestiment kbir għall-Knisja f’Malta u Għawdex. Il-Konkors qiegħed jgħin biex jikber ir-repertorju ta’ innijiet Maltin ispirati direttament mill-Iskrittura. Matul l-erba’ edizzjonijiet li għaddew, ipparteċipaw mhux inqas minn sittax il-Christian band lokali. Il-Konkors joffri esperjenza li tkompli tħeġġeġ u tagħti wisa’ lill-bands li jieħdu sehem. Fil-fatt ħafna jħarsu lejn il-Konkors bħala okkażżjoni biex il-band u l-mużika tagħha tasal għand udjenza aktar miftuħa.
Għal aktar informazzjoni dwar il-Konkors tistgħu iżżuru is-sit elettroniku www.kdz.org.mt jew www.awakeningasaph.org