L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ġesù jgħid din il-parabbola, lill-kapijiet, lill-Fariżej. Imma llum din il-kelma tkellem ukoll lill-qalb tiegħi u tiegħek. Xi jrid jgħid Ġesù b’din il-parabbola? L-ewwel nett jitkellem dwar żewġ persuni: wieħed għani, li m’ għandux isem; Ġesù ma jagħtix isem lil dan l-għani. Donnu dan l-għani jidditermina r-realtà u l-identità tiegħu bil-flus u l-għana li għandu.

Imma lill-fqir, Ġesù jagħtih isem – Lazzru – li jfisser “il-Mulej iħenn għalik u jgħinek.” Tgħiduli, imma dan il-fqir li Ġesù semmieh Lazzru, ma tantx sab min jgħinu u min iħenn għalih! Dan huwa l-punt li jixtieq jagħmel Ġesù. Lazzru il-fqir, kien joqgħod wara l-bieb tad-dar tal-għani, ġismu ġerħa, “bix-xewqa li jixba’ b’dak li jaqa’ mill-mejda tal-għani” (Lq 16:21). Imma l-għani ma tax kasu. L-għani li kellu biex jgħixu hu, u biex jgħajjex ukoll lil Lazzru, jekk irid, iddeċieda li l-għana tiegħu jżommha biss għalih. U meta ġie għall-ħajja li ma tispiċċa qatt,  ħasad dak li żera’. X’kien żera’ dak l-għani? Dan żera’ ħajt kbir u ħondoq bla qies bejnu u bejn il-fqir.

Meta l-fqir miet u ttieħed fil-glorja “fi ħdan Abraham” (Lq 16:22) il-ġenna, u l-għani sab ruħu f’turmenti kbar, induna, li dak li kien għamel f’ħajtu, li kien żera’ f’ħajtu, sabu fl-eternità. Bena ħajt u ħondoq, u sab ħajt u ħondoq! Meta jitkarrab għal ftit ilma, Abraham jgħidlu: “ħabib ma nistgħux ngħinuk għax ‘hemm vojt bla qies bejnkom u bejnna” (Lq 16:26).

Imma min għamlu dak il-vojt? L-għani bid-deċiżjoni tiegħu. Minflok jibni pont bejnu u bejn min kellu bżonn l-għajnuna, jagħlaq widnejh u għajnejh.

L-Ewwel Qari… jilmenta – u anke Ġesù jagħmel l-istess – meta mingħandu, ma jaqsamx ma’ min m’għandux. L-ewwel jien, imbagħad jien, it-tielet jien u jekk jibqa’ jien. Dik hija riċetta ta’ diżastru.

It-tagħlima għalina hi sempliċi u ċara: aħna kif se nħobbu lil Alla? Il-futur aħħari tagħna kif se jkun? Neżaminaw lilna nfusna, kif qed nittrattaw lil xulxin. Għax jista’ jkun li fuq il-bieb ta’ qalbi hemm min qed iħabbat, għax għandu bżonn kelma ta’ faraġ, xi ftit għajnuna, widnejn li jisimgħu, idejn li jwensu, riġlejn li jżuruh. Jiena jekk nibni pont, dak il-pont insibu. Jekk nagħmel abbiss, ħondoq insib. Dak li niżra’, naħsad. L-għani jgħidlu lil Abraham: “ibagħtu f’dar missieri, għax għandi ħames aħwa, ħalli jagħmlilhom twissija kif imiss, li ma jmorrux huma wkoll jiġu f’dan il-post ta’ tbatijiet ħorox!” (Lq 16:27-28). U Abraham iwieġeb: “‘Għandhom lil Mosè u l-Profeti; jisimgħu lilhom’ (Lq 16:29). Jekk m’intomx kapaċi tisimgħu lilhom, anqas jekk iqum xi ħadd mill-mewt ma tisimgħuh, ma tobduh” (ara Lq 16: 31).  

Il-Mulej ried iwissina biex it-tagħlim li ħadna nużawh tajjeb. L-Ewwel Qari, ma jilmentax għax hawn min hu għani. Jilmenta – u anke Ġesù jagħmel l-istess – meta mingħandu, ma jaqsamx ma’ min m’għandux. L-ewwel jien, imbagħad jien, it-tielet jien u jekk jibqa’ jien. Dik hija riċetta ta’ diżastru.

Kemm nieħu pjaċir meta fid-diversi appelli li jsiru matul is-sena, għall-għajnuna, il-poplu Malti jirrikorri bi ħġaru. Dak kollu li nagħmlu, anke l-ftit, iġib fuqna barka kbira u intom tafu – tajjeb li niftakru anke fuq it-tajjeb li għandna – li tant nies jagħmlu sagrifiċċji biex ikunu ta’ għajnuna lil ħaddieħor. Kultant inkun f’xi maratona, inkun qed nirrispondi telefowns għall-appell, ikun xi jkun, (għandna  diversi maratoni matul is-sena) u jkun hemm xi sinjura jew xi raġel jgħidli: “Father, dan nista’ nagħti jien!” Inħobb ngħidilhom: “bil-qatra l-qatra timtela l-ġarra, inti tajt milli għandek u li stajt.” Dak se ssibu fil-ħajja ta’ dejjem.

Ġesù qed javżana għax iħobbna u jħenn għalina. Ġesù qed javżana għaliex kultant ingergru u ngħidulu: “Imma dan il-faqar, Sinjur? Dawn il-gwerer? Din il-qalb iebsa għal xulxin, ma tagħmel xejn?” U jiena kultant inħossu jgħidilna: “Jiena nixtieq nagħmel permezz tiegħek. Inti qed tagħmel il-parti tiegħek? Meta inti tara lil Lazzru barra l-bieb, bil-ġuħ, iterter bil-bard, bil-klieb “ jilagħqu l-ġrieħi tiegħu” (Lq 16:21) tista’ tibqa’ twebbes qalbek u ma tgħinux lil dak li jkun? Tgħiduli: “Father, jiena kull meta niltaqa’ ma’ xi ħadd li għandu bżonn l-għajnuna, nagħmel li nista’.” F’isem Ġesù ngħidlek: “Il-Mulej jaf, u jqisulek.”

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Għam 6:1a. 4-7
Salm: 145 (146):7,8-9a,9bċ-10
Qari II: 1 Tim 6:11-16
L-Evanġelju: Lq 16:19-31

Aktar ritratti