• On Monday, 26th June 2017, Archbishop Charles J. Scicluna ordained seven new deacons, two seminarians (Anton D’Amato and Bernard Micallef) and five religious men (Alan Joseph Adami, Jethro Bajada, Kenneth Micallef, Kurt Mizzi and Elmar Pace) at Saint John’s Co-Cathedral, Valletta.

  •  

    The Celebration of Mass on YouTube

  •  
  •  

    L-Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

    26 ta’ Ġunju 2017

    “Tassew, tassew ngħidilkom, l-ilsir mhuwiex aqwa minn sidu, anqas il-messaġġier mhu aqwa minn min jibagħtu. Jekk dawn il-ħwejjeġ tafuhom, ħenjin intom jekk tagħmluhom” (Ġw 13, 16-17). Diversi drabi fl-Evanġelju, il-Mulej isejjaħ kategoriji ta’ dixxipli bħala ħenjin: “ħenjin l-imnikta, ħenjin l-ippersegwitati, ħenjin dawk ta’ qalbhom safja, ħenjin dawk li jġibu l-paċi, ħenjin dawk li ma rawx u emmnu”.

    Waħda minn dawn il-beatitudnijiet li hu lissen awlillejl qabel ma bata, hija dik li għadna kemm smajna: “ħenjin intom jekk tagħmlu l-ħwejjeġ li għallimtkom illejla” (ara v.17). U x’kien għallimhom il-Mulej? Il-Mulej kien għallimhom kif, għalkemm isejħulek Mulej u Imgħallem, inti tkun tista’ b’sens ta’ realiżmu kbir, taħsel riġlejn sħabek. “Tafu x’għamiltilkom. Intom issejħuli ‘l-Imgħallem’ u ‘l-Mulej’, u tgħidu sewwa għax hekk jien. Mela jekk jien, li jien il-Mulej u l-Imgħallem, ħsiltilkom saqajkom hekk ukoll intom għandkom taħslu saqajn xulxin” (vv 12-14).

    Hu jsemmi l-ilsir, għax dan kienet mansjoni, kienet rwol tal-qaddejja, ġeneralemnt ilsiera, fil-kultura ta’ żmien Ġesù, li meta kien jidħol mistieden, kienu jaħslulu saqajh li ġejjin mit-triq. Jiena xortija tajba li meta naħsel ir-riġlejn f’Ħamis ix-Xirka, ikunu huma li jgħorkuhom qabel jiġu l-katidral, imma intom tridu tirriflettu l-fatt li dan ir-rit tal-ħasil tar-riġlejn, kienet xi ħaġa tassew ta’ umiltà kbira għax dak li jkun, kien qed jipparteċipa ma’ dak kollu, mat-trabijiet, il-ħmieġ, it-tajn, li jkun waħal mas-saqajn u mal-qorq fit-toroq tal-ħajja.

    B’xi mod mhuwiex biss ġest ta’ mħabba lejn il-mistieden li jsir proxxmu għax daħal id-dar, imma huwa wkoll parteċipazzjoni mill-pellegrinaġġ tiegħu u inti taħsillu saqajh biex ikun jista’ jidħol f’intimità mal-aħwa. U dan ir-rit mhuwiex biss ta’ iġene, imma huwa wkoll ta’ purifikazzjoni u ta’ solidarjetà.

    “L-ilsir mhuwiex aqwa minn sidu” (v. 16). Qed isejjħilhom ilsiera, qed isejħilhom ukoll messaġġiera. Il-kelma “lsir” qatt ma kienet kelma sabiħa għax il-jasar ma jogħġob lil ħadd. Li inti ċċedi r-rieda tiegħek għal ħaddieħor mhijiex l-ewwel istint li jiġi fil-qalb u fil-moħħ tagħna. L-ilsir huwa għal kollox dipendenti mis-sejħa ta’ sidu. Anke  l-messaġġier, b’mod speċjali fil-kultura ta’ żmien Ġesù, ma kellu l-ebda awtorità iżid mal-messaġġ li jiġi afdat lilu. Kienet kultura fejn min irid iwassal messaġġ, iqabbad lil xi ħadd u bi ftit kliem li jrid jiġi ripetut b’fedeltà kbira mingħajr interpretazzjoni, tnaqqis, jew żieda, ikun jista’ jwasslu lil ħaddieħor.

    L-għażla tagħkom, għeżież kandidati għad-djakonat, hija kontra l-kurrent.

    Dawn iż-żewġ titli li huma titli li jirrestrinġu l-bniedem għax l-ilsir se jagħmel dak li jgħidlu sidu, il-messaġġier se jgħid dak li qallu jgħid min batu. Huma paradossali għall-kultura tal-lum. Aħna qegħdin nibnu kultura fejn il-bniedem jiddeċiedi jekk hux mara jew raġel. Aħna qegħdin nibnu kultura fejn iż-żwieġ mhux kif ħalqu Alla, imma kif ħlaqnieh aħna bil-ftietaq ta’ moħħna f’isem l-ugwaljanza. Aħna qegħdin ngħixu f’kultura fejn reġa’ refa’ rasu b’mod qawwi s-serp antik li dejjem jibqa’ jgħajjat: “jien ma rridx naqdi. Jien ma rridx nobdi, non serviam”. 

    Allura l-għażla tagħkom, għeżież kandidati għad-djakonat, hija kontra l-kurrent. Il-Mulej la jsejħilkom għall-awto-determinazzjoni, anzi qed jistedinkom għad-dipendenza totali fuq is-superjuri tagħkom. Jiena nitlobkom f’isem l-ubbidjenza reliġjuża għal min hu reliġjuż, u f’isem l-ubbidjenza lili u lis-suċċessuri tiegħi għad-djoċesani, biex din il-kelma ta’ Ġesù teħduha bis-serjetà. L-ubbidjenza li qed turu llum mhijiex kelma sabiħa tal-okkażjoni, imma impenn li inti tilqa’ l-istedina ta’ Ġesù, li ħa l-forma ta’ lsir biex ikun ta’ salvazzjoni għalina. Hu li kien daqs Alla “ma qagħadx iqis tiegħu dak li kien ta’ Alla, imma tneżża’ minn kollox, ħa s-sura ta’ lsir […] sar bniedem ubbidjenti, ubbidjenti sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib (ara Fil 2, 6-8).

    Dak li ħasel riġlejn id-dixxipli kien jaf x’se jiġri minnu fil-Ġimgħa l-Kbira, kien jaf li l-ubbidjenza tiegħu fl-ort tal-Ġetsemani kellha tiswilu l-mewt fuq is-salib u d-djakonat tagħkom irid ikun ukoll espressjoni ta’ din id-disponibiltà, kif ikun ukoll id-disponibbiltà li intom ma twasslux il-messaġġ tagħkom, imma l-messaġġ ta’ Ġesù, “il-messaġġier mhuwiex aqwa minn min jibagħtu” (Ġw 13, 16). U għalhekk dawn iż-żewġ titli li llum ma jiftehmux, ifissru sew il-ministeru tagħkom. Intom qaddejja biex taħslu riġlejn il-qaddisin u intom messaġġiera biex twasslu l-kelma tiegħu.

    Intom tkunu garanzija li s-servizz tagħkom ikun għal kulħadd mingħajr ma tħarsu lejn il-wiċċ, lejn il-but, lejn il-kulur, lejn il-lingwa, u lejn l-beda konsiderazzjoni.

    Fit-Tieni Qari (Atti 6, 1-7) smajna l-għażla tal-ewwel seba’ djakni. Ir-rwol tagħhom kien differenti minn tagħkom, imma ntagħżlu f’kuntest ta’ nkwiet. Għaliex il-Knisja minn dejjem kienet imżejna bl-inkwiet u tibqa’ hekk għal dejjem. Kien hemm l-għira bejn il-Lhud-Insara dawn bħalna, L-Insara Lhud u l-Insara Griegi. Bħal dejjem, daħlu l-preferenzi u l-Lhud-Insara li kienu qed iqassmu l-ikel lir-romol, bdew jittraskuraw lir-romol Griegi u qamet rewwixta, bħalma jiġri llum ukoll. L-appostli qalu “rridu nagħmlu xi ħaġa”. U għalhekk tinnutaw li għażlu seba’ rġiel – veru jissejħu mimlijin bl-għerf u bl-Ispirtu s-Santu – imma nnutaw li s-seba’ ismijiet huma kollha ismjiet Griegi għax qalu “aħna rridu sebat irġiel li se jieħdu ħsieb ir-romol Griegi u allura jridu jkunu mhux biss jafuhom imma jagħtu garanzija ta’ fairness.

    B’xi mod dan is-servizz huwa wkoll parti mill-ministeru tagħkom: li intom tkunu garanzija li s-servizz tagħkom ikun għal kulħadd mingħajr ma tħarsu lejn il-wiċċ, lejn il-but, lejn il-kulur, lejn il-lingwa, u lejn l-beda konsiderazzjoni. Il-ministeru tagħkom, bħala djakni, irid ikun garanzija  tal-imħabba ta’ Ġesù, li hija mħabba universali. Iċ-ċelibat li ħaddantu u l-vot tal-kastità għal min hu reliġjuż, huma espressjoni ta’ din l-imħabba universali. Mhijiex iċ-ċaħda tal-imħabba imma d-disponibbiltà li tħobbu lil kulħadd. Imma ftakru li s-seba’ djakni ġew introdotti fil-Knisja biex fil-Knisja kulħadd iħossu ċittadin u garantit li jirċievi l-karità tal-Knisja, l-imħabba tal-Knisja, hu min hu.

    L-apppostli għamlu għażla li hija l-għażla tagħkom ukoll. Ma jistax ikun inħallu t-talb u l-kelma ta’ Alla. Intom ukoll imsejħin biex l-għażla tal-appostli tagħmluha tagħkom sa mill-ewwel mument li tidħlu fl-Ordi Sagri. Illum infetħilkom il-bieb tal-Ordni Sagri li fih tliet tarġiet. Ma nafx min minnkom se jsir isqof, nawguralkom li ssiru kollha presbiteri u nerġgħu nifirħu bikom is-sena d-dieħla. Imma intom u tidħlu fl-Ordni – mhux fis-saċerdożju, dak mal-presbiterat – fl-Ordni Sagri, intom tridu tagħmlu minn issa l-għażla li għamlu l-ewwel appostli: li intom tkunu mehdijin fix-xandir tal-kelma t’Alla u fit-talb. Il-konsenja li tagħtikom il-Knisja llejla hija l-kelma t’Alla u tagħtikom ir-responsabbiltà kbira li tgħixuha u tagħtikom ir-responsabbiltà kbira li l-ewwel, qabel ma tħabbruha bl-ilsiem u bil-fomm, tħabbruha bil-ħajja tagħkom.

    Aħna nitolbu għalikom biex dan il-ministeru li qed jingħatalkom, dan l-Ordni li se tidħlu fih biex tkunu ta’ qadi għall-Knisja b’mod speċjali għall-isqof, ikunilkom ta’ barka. Intom barka għall-Knisja. Jalla l-Knisja, minkejja l-inkwiet li jkun fiha, minkejja t-trabijiet u t-tajn li nġibu magħna qabel il-Mulej jaħslilna saqajna, tkun għalikom barka, tkun għalikom ħelsien, tkun għalikom kelma ta’ tifħir. “Ruħna tixxennaq għall-Mulej, hu l-għajnuna  u t-tarka tagħna […] Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna kif fik hi t-tama tagħna” (S 32, 20.22). Ftakru dan il-vers mis-Salm tal-lum. “Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna kif fik hi t-tama tagħna”.

    Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja