Iċ-Chaplain f’Università ta’ Malta Fr Patrick Magro qal li kwistjoni komuni li kontinwament jiltaqa’ magħha hija li “ż-żgħażagħ tal-lum ifittxu ċ-Chaplaincy għaliex isibuha diffiċli biex jagħmlu l-ħbieb”.
Qal li apparti minn hekk, iċ-Chaplaincy iffitxuha dawk li ma tantx ikunu qed iħossuhom moralment tajjeb, kif ukoll “dawk bi kriżi personali, kriżi spiritwali jew dawk li vera jkunu jridu jagħmlu l-volontarjat. Hemm min jiġi sempliċiment biex jistrieħ bejn lezzjoni u oħra.”
Waqt il-programm Il-Voluntier fuq RTK103, Fr Patrick qal li ċ-Chaplaincy hija l-post ideali biex dak li jkun jiltaqa’ man-nies u “jidħak daħka” għaliex “nisħqu fuq l-importanza li dejjem ikun hemm xi ħadd fiċ-Chapliancy biex kull minn iżur il-post qatt ma jsib ruħu waħdu”.
X’inhi ċ-Chaplaincy u x’toffri?
Fr Patrick qal li ċ-Chaplaincy timxi fuq tliet pilastri; l-ispiritwalità, il-komunità u s-servizz biex toħloq post ta’ tama u bħalma jiddiskrivuha ħafna: “oasi ta’ paċi.”
Qal ukoll li ċ-Chaplaincy toffri post u programmi fejn l-istudenti u l-ħaddiema fi ħdan l-Università flimkien ma’ eks studenti “jiġu biex jieħdu ħsieb ir-relazzjoni tagħhom ma’ Alla, biex jiltaqgħu mal-ħbieb u biex verament jaraw kif jistgħu jkunu ta’ servizz għas-soċjetà”.
Spjega li ftit ‘il barra mill-Università hemm dar tal-Giżwiti – Dar Manwel Magri, ġiżwita arkeologu li skopra l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni – li fit-tieni sular tagħha tospita qassisin ġiżwiti, filwaqt li l-ewwel sular jospita l-missjoni taċ-Chaplaincy: kmamar differenti biex l-istudenti jkollhom spazju fejn jistudjaw, jiltaqgħu man-nies u anki jsiru laqgħat ta’ komunitajiet tal-ħajja Nisranija.
“Ikun hemm min ikollu bżonn l-għajnuna u saħansitra anki jiġi Dar Manwel Magri bil-lejl”
“Żgħażagħ jiġu lura minn esperjenza volontarja u jispiċċaw ibidlu l-kors”
Dwar kif il-volontarjat jifforma u jsaħħaħ persuna, Fr Patrick Magro qal li “il-volontarjat ibiddel persuna għaliex huwa mezz tajjeb biex persuna tinduna li waħda mill-isbaħ affarijiet li bniedem jitgħallem mill-ħajja hija s-sens ta’ ġenerożità”.
Kemm fuq livell spiritwali imma anki fuq dak psikoloġiku, li tkun ġeneruż b’dak li għandek, jagħmillek il-ġid
Qal li l-midja soċjali tippromwovi idea żbaljata li bniedem ikun l-iktar kuntent “meta inti dejjem għandek iktar, imma pjuttost bil-kontra, għaliex l-iktar li bniedem ikun kuntent meta jinduna li jista’ jagħti mingħajr ma jirċievi xejn lura”.
Stqarr li apparti minn hekk il-volontarjat jagħti dinjità kemm lil min qed jirċiviha imma anki min qed jagħmlu. Qal li sforz ta’ dan, ħafna żgħażagħ li jiġu lura Malta minn esperjenza volontarja jispiċċaw ibidlu l-kors li jkollhom fl-Università għaliex jiskopru b’kapaċitajiet u potenzjal fihom infushom li ma jkunux jafu bihom qabel.
Ħafna drabi minn età żgħira noħolmu dwar x’nixtiequ nsiru la nikbru, imma mbagħad nindunaw li mhijiex l-iktar ħaġa importanti li tagħmilna kuntenti, imma l-volontarjat jiftaħlek orizzont li ma tkunx konxju tiegħu
Fr Patrick spjega wkoll li ż-żgħażagħ li jmorru esperjenza ta’ volontarjat jitgħallmu r-realtajiet tal-ħajja, kemm f’Malta kif ukoll barra, speċjalment fuq il-faqar.
Qal li l-faqar iġib il-bniedem konxju u f’sensih “għaliex għandna tendenza li naħsbu li kulħadd bħalna; imur id-dar jiftaħ il-fridge u jiekol,” filwaqt li fakkar li ċ-Chaplaincy għandha foodbank li ħafna żgħażagħ u ħaddiema saru jagħmlu użu minnu.
Tixtieq tagħmel il-volontarjat?
Kull sena, iċ-Chaplaincy tal-Università torganizza esperjenzi ta’ xogħol volontarju f’Malta u f’diversi postijiet barra minn xtutna: Napli, Firenze, Cagliari, l-Albanija, l-Etjopja u l-Eġittu.
Dawn l-esperjenzi kollha kellhom numru kbir ta’ studenti voluntiera matul is-snin.
L-applikazzjonijiet għall-esperjenzi ta’ xogħol volontarju tas-sajf normalment jinħarġu f’Jannar, biss għal aktar informazzjoni tista’ tibgħat imejl fuq [email protected].
Tista’ taqra xi testimonjanzi biex tispira ruħek hawn.
Segwi l-intervista kollha:
Il-Voluntier jixxandar kull nhar ta’ Tnejn fis-1.30pm b’repetizzjoni l-Ħadd fis-2.05pm. Dan il-programm isir b’kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għall-Inklużjoni u s-Settur Volontarju f’Malta flimkien mal-Kummissarjat għall-Volontarjat u l-Kunsill Malti tal-Volontarjat bi produzzjoni u preżentazzjoni ta’ Maria Daniela Camilleri.
Source: Newsbook.com.mt