L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Kemm hu realistiku l-kliem ta’ Ġesù, u attwali, għax din hi esperjenza wkoll li narawha fi żmienna. Hawn Ġesù qed jgħid fuq ċerti nies li jilmentaw fuq kollox, u ma jogħġobhom xejn. Ġwanni l-Battista kien bniedem awster, anke f’li jiekol u jixrob, u fuqu qalu: “għandu fih xitan” (Mt 11:18). Għalihom kien stramb. Warajh ġie Ġesù, li kien jiekol u jixrob, u kien ukoll jiekol u jixrob mal-midinbin, u fuqu qalu: “Araw xi bniedem wikkiel u sakranazz, ħabib tal-pagani u l-midinbin” (Mt 11:19). Ma ġġibhiex żewġ magħhom!
Dan li qed jgħid hawnhekk Ġesù hu, fil-fatt, kultant l-esperjenza anke fi żmienna. Imma l-punt li qed jagħmel Ġesù hu li ma kienx tort ta’ Ġwanni l-Battista jew tiegħu, imma kien għaliex dawn in-nies kienu jqisu ruħhom ġusti, aħjar mill-oħrajn, u għalhekk jikkritikaw lil kulħadd. Dak kien li minnu għadda Ġesù kontinwament fil-ħajja tiegħu.
X’kienet ir-raġuni? Dawn in-nies kienu mmexxijin mill-preġudizzji tagħhom. Kellhom għamad quddiem għajnejhom li ma jħallihomx jaraw r-realtà sħiħa. Kienu mogħmijin mill-preġudizzji li kellhom. Kellhom kontra Ġesù. Il-preġudizzji hekk jagħmlulek: ma jħallukx tara ċar. Għalhekk Ġesù jgħid, u jispjegaha b’mod tajjeb ħafna, li n-nies jifhmu – tant kellhom preġudizzji li jxebbaħhom ma’ dawk it-tfal li jgħidu lil sħabhom: “daqqejnielkom il-flawt u ma żfintux, għannejnielkom għanja ta’ niket u ma bkejtux!” (Mt 11:17) Jiġifieri tagħmel x’tagħmel għalxejn. Fil-fatt din kienet l-esperjenza ta’ Ġesù. Imma hu jgħid: “l-għerf ta’ Alla tawh raġun l-opri tiegħu stess” (Mt 11:19).
Kien skomdu Ġesù quddiem dan-nies? Iktar minn skomdu, iddispjaċih li jara dan-nies immexxjin mill-preġudizzji, u għalhekk lanqas jistgħu jaraw ċar. Dejjem kontra. Imma Ġesù jgħid: “l-għerf ta’ Alla tawh raġun l-opri tiegħu stess”. Jiġifieri, mhux mill-kliem waħdu, imma jekk jaraw dak li jagħmel, jindunaw fejn qiegħed l-għerf ta’ Alla, fejn qiegħda l-preżenza ta’ Alla. Ġesù tant għamel mirakli, tant wera l-qawwa ta’ Alla! Imma min ikollu l-preġudizzji ma jibqax jara ċar.
X’inhu l-messaġġ li qed jagħti Ġesù lilna llum fil-ħajja tagħna? L-ewwel nett, lilna jħeġġiġna biex ikollna qalb li tilqa’ l-kelma tiegħu, u li tagħraf il-preżenza tiegħu, fejn qiegħda l-preżenza tiegħu illum fl-opri tiegħu li naraw. Imma jrid ikollna qalb miftuħa biex lilu naċċettawh. Ġesù jurina wkoll kemm hu importanti li aħna noqogħdu attenti ma nkunux immexxijin mill-preġudizzji li jgħalqulna għajnejna għall-ġid u jagħmluna biss nikkritikaw lil ħaddieħor u kollox naraw ħażin. Irridu noqogħdu attenti għax il-preġudizzji jintirtu u jittieħdu. Speċjalment, wieħed irid joqgħod attent mill-midja u l-midja soċjali li tant fihom ġid imma kultant ikun hemm tant preġudizzji li jittieħdu u li ma jgħinukx tara ċar. L-iktar importanti għall-ħajja tagħna hu li aħna, bl-għajnuna ta’ Alla, ngħarfu nagħmlu dak li hu sewwa, u ma naqtgħux qalbna minħabba kritika li ssir meta qed nagħmlu dak li hu sewwa. Ma nfittxux li nintogħoġbu – għax dak ikun l-agħar, jekk infittxu li nintogħoġbu. Infittxu li nagħmlu dak li hu sewwa, anke jekk se jkun hemm min – bħalma kellu l-esperjenza Ġesù – tagħmel x’tagħmel għalxejn miegħu jew magħha.
Nitolbu lill-Mulej biex lilna jippurifika mill-preġudizzji tagħna; biex jgħinna ħalli jkollna qalb li tilqgħu, li tgħożżu, u li tagħraf il-preżenza ta’ Alla fis-sinjali tiegħu fl-Istorja llum.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju