-
-
L-Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Allied Newspapers Ltd, l-Imrieħel
3 ta’ Novembru 2017
Ġesù jeħodha ftit mal-kapijiet tal-Fariżej biex jagħmel punt essenzjali li nħoss huwa importanti wkoll li nibqgħu niftakruh tul ħajjitna kollha.
Meta jara l-ħtieġa li jfejjaq, il-Mulej mhuwiex marbut mal-ebda liġi, ħlief l-istint qawwi tal-imħabba. “Min minnkom se jaqgħalu ibnu jew barri f’ġiebja u għax ikun is-Sibt”, meta mhux suppost tagħmel xogħol li jġib ħafna sforz, għax ikun is-Sibt, “ma jmurx malajr itellgħu minn hemm?” (Lq 14, 8). Ma kellhomx ħila jweġbuh għaliex irrealizzaw li l-loġika ta’ Ġesù kienet li meta bniedem ikun fil-bżonn, jitrattah b’imħabba ta’ missier lejn l-iben, l-imħabba li hija inkondizzjonata, li hija primittiva, hija qawwija.
Għalhekk faċli nifhmu għaliex, meta d-dixxipli ta’ Ġesù talbuh jgħallimna nitolbu, l-ewwel kelma li qalilna aħna u nindirizzaw lil Alla kienet: “Itolbu hekk ‘Missierna, missierna li inti fis-smewwiet.’” (Mt 6, 9) Mela jekk Alla huwa Missier, l-imħabba tiegħu hija mħabba ta’ missier. Quddiem in-neċessità tal-umanità l-Mulej iħares bi ħniena, il-Mulej iħares b’imħabba.
U l-kelma ‘ħarsien’ tfakkarna fit-talba tal-Innu Malti: “Ħares, Mulej kif dejjem int ħarist”. Hija ħarsa ta’ ħniena, hija ħarsa ta’ mħabba, hija wkoll ħarsa ta’ protezzjoni.
Jiena u nirrifletti fuq it-traġedja tal-assassinju tal-kollega tagħkom, ta’ Daphne, għamilt dawn iż-żewġ abbinamenti li jagħmlu sens bil-Malti. Aħna hemm bżonn ngħidu ‘ma nibżgħux’, imma hemm bżonn ukoll nibżgħu għal xulxin. Bil-Malti l-kelma biża’ għandha aċċezzjoni negattiva u pożittiva: jiena nibża’ imma jiena nibża’ għalik.
Aħna għandna bżonn lilkom biex tkunu l-għajnejn, il-widnejn u x-xufftejn tagħna. Intom għandkom bżonn tħarsu biex tħarsuna.
Imbagħad it-tieni abbinament huwa li ‘tħares’ u ‘tħares’. Għax li tħares mhux biss li tuża’ l-istrumenti ta’ perċezzjoni imma wkoll li tipproteġi. U allura l-istedina li nagħmel lilkom, għeżież ġurnalisti u dawk kollha li qed jaħdmu anke fil-Progress Press, huwa li dawn iż-żewġ koppji ta’ kunċetti ‘li tibża’ u ‘li tħares’ tgħixuhom fil-profondità tagħhom.
Aħna għandna bżonn lilkom biex tkunu l-għajnejn, il-widnejn u x-xufftejn tagħna. Intom għandkom bżonn tħarsu biex tħarsuna. Intom għandkom bżonn tinvestigaw biex aħna nkunu tassew protetti. Ħarsu biex tħarsuna. Jiena ngħidilkom tibżgħux, imma oħolqu kultura fejn nibżgħu għal xulxin.
Nirringrazzjakom tax-xogħol tagħkom, tal-missjoni importanti tagħkom. Nitlob għalikom u nberikkom.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
-
Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja