Nhar il-Ħadd 2 t’Ottubru 2011, fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin kien hemm arja ta’ festa, arja ta’ ferħ. Dan għaliex l-awtoritajiet tal-CCF, l-istaff, P.Franco Fenech Franġiskan Kapuċċin Kappillan tal-Faċilita’, flimkien ma’ P.Joe Buttiġieġ Franġiskan Kapuċċin u Dun Charles Gauci u mhux inqas għadd kbir ta’ priġunieri, inghaqdu sabiex jiċċelebraw tlett okkażjonijiet sbieħ.
L-ewwel okkażjoni kienet il-festa tal-Beata Enrichetta Alfieri, soru tal-Karita ta’ Santa Ġiovanna Antida Thouret. Il-ħajja tal-Beata Enrichetta kienet pjuttost qasira, 60 sena, imma nistgħu ngħidu li kienet att wieħed ta’ mħabba li wriet ruħha fid-dedikazzjoni tagħha u speċjalment fit-tbatija kemm tagħha personali izda anki fit-tbatija ta’ persuni li kienu bla dinjita’ jew neqsin mill-imħabba, persuni li kienu fil-ħabs.
It-tieni okkażjoni li ċċelebrajna fil-CCF kienet il-140 sena ta’ presenza tas-Sorijiet tal-Karita’ ġewwa l-CCF. Is-Sorijiet tal-Karita’ kienu responsabbli tal-priġunieri nisa sa mill-1871, meta l-gvernatur talab lill-Kongregazzjoni biex jieħdu ħsieb l-ospizju tal-Furjana li fih kienu jinżammu persuni anzjani u priġunieri nisa. Meta fl-1885, il-priġunieri nisa ġew meħuda fil-Ħabs ta’ Kordin, is-sorijiet iffurmaw komunita’ u marru joqogħdu fil-ħabs stess ġewwa Kordin fejn saret sezzjoni li kienet tintuża bħala kunvent tagħhom. Hemmhekk huma kellhom jgħaqqdu d-dixxiplina mal-ħniena biex itaffu l-piena tal-priġunieri nisa.
It-tielet okkażżjoni ta’ ferħ li ċċelebrajna fil-CCF hija propju l-20 sena ta’ preżenza ta’ Sr.Marija Adele Baldacchino tal-istess Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Karita’ ta’ Santa Ġiovanna Antida Thouret. Wara li s-sorijiet tal-Karita’ ma baqgħux residenti fil-Faċilita’ Korrettiva, Sr.Adele talbet sabiex tibqa’ tmur bħala volontarja, talba li ġiet milqgħuha u minn dak in-nhar, għal diversi ġranet fil-ġimgħa tmur fil-CCF sabiex tkompli tagħmel xogħol ta’ appostolat, xogħol soċjali u servizz mal-priġunieri li hija stess, f’diskors li għamel f’għeluq iċ-ċelebrazzjoni qaltilhom: “Fraħt ħafna meta rajt il-preżenza tal-membri tal-familja tiegħi għal din iċ-ċelebrazzjoni imma wara kollox fraħt bikom ilkoll għax intom il-familja tiegħi”.
F’għeluq iċ-ċelebrazzjoni id-Direttur tal-Facilita’, is-Supretendent Abraham Zammit qal kelmtejn li fihom wera l-apprezzament tiegħu u ta’ kull min jaħdem fil-Faċilita’ lejn Sr.Adele: ‘għax-xogħol li għamilt, li qed tagħmel u li għad trid tagħmel’. Sar ukoll messaġġ minn prigġunier f’isem sħabu kollha li fih qalilha: ‘..grazzi ta’ l-imħabba li tajtna, imħabba mingħajr kundizzjoni. Fik aħna sibna t-tieni omm tagħna u għalkemm b’xi mod weġġajna lis-soċjeta ta’ madwarna, inti qatt u qatt ma ġġudikajtna. F’għajnejk qatt ma kellek rabja għalina u għal dak li stajna għamilna, anzi dejjem waqaft magħna u bis-sagrifiċċju u b’gġnerożita’ kbira sibt il-mod kif twasslilna dak il-messaġġ ta’ sabar’.
Saru wkoll diversi preżentazzjonijiet bħala apprezzament għax-xogħol ta’ Sr.Adele, fosthom il-barka tal-Papa, permezz tar-rappreażentant tiegħu l-ET.Mons.Tommaso Caputo Nunzju Apostoliku għal Malta, il-barka tal-Arċisqof ta’ Malta l-ET.Mons Pawlu Cremona OP, flimkien ma diversi għotjiet u tifkiriet oħra.