L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Id-dixxipli jinsew jieħdu ħobż biżżejjed; kellhom ħobża waħda u l-aħħar parti tal-Evanġelju tal-lum b’xi mod hi wkoll twiddiba ħelwa ta’ Ġesù li, għalkemm m’għandhomx ħlief ħobża waħda, magħhom għandhom lilu li bi ftit ħobżiet ta x’jieklu, l-ewwel isemmi l-5,000 ruħ, imbagħad 4,000 ruħ. U jkompli jinsisti magħhom, imma allura “Għandkom għajnejn u ma tarawx, għandkom widnejn u ma tisimgħux? Għadkom ma fhimtux?” (Mk 8:17-18). U x’għandhom bżonn jifhmu? X’għandhom bżonn jaraw? X’għandhom bżonn jisimgħu? Għandhom bżonn jifhmu li jekk ikollok lil Ġesù miegħek, qiegħed f’idejn tajba. Tgħiduli: mela aħna jkollna ftit affarijiet nitolbu ’l Ġesù u fuq il-mejda l-ikel jitkattar. Ġesù mhux qed jitkellem fuq il-maġija. Qed jitkellem fuq fiduċja fih. Hu se jgħinna anke permezz ta’ ħutna, se jgħinna billi jagħtina d-don tas-saħħa li permezz tiegħu nkunu nistgħu aħna stess inpoġġu l-ħobż għal min aħna responsabbli fuq il-mejda tagħna. Imma l-inkwiet tagħhom, la huma miegħu u hu magħhom, kien inkwiet esaġerat.

Ħin minnhom qed jitkellem fuq il-ħobż, qed jinnota l-inkwiet tagħhom fuq in-nuqqas ta’ ħobż. Ġesù jitkellem fuq il-ħmira. Nafu li qabbel is-saltna t’Alla ma’ ftit ħmira li titħallat ma’ sigħan kbar tal-għaġna u l-għaġna tikber. Imma llum jitkellem fuq il-ħmira tal-Fariżej u l-ħmira ta’ Erodi. Il-ħmira tal-Fariżej hi dik ix-xi ħaġa ċkejkna li mbagħad tikber ħafna, li ġġagħalna naħsbu li quddiem Alla aħna għandna xi bravura, xi merti. Alla donnu xi accountant, immorru bil-pitazz jew bil-ktieb ngħidulu kemm għamilna affarijiet tajbin. Nippruvaw naħbu l-id l-oħra bl-affarijiet il-ħżiena, donnu Alla ma jafx u ma jarax. U qisna nagħmlu l-kontijiet miegħu. Ara llum kont bil-għaqal, mela għandi bżonn pjaċir, ara taqdinix. Hi l-ħmira tal-Fariżej li aħna quddiem Alla, bħalma għamel il-Fariżew fil-parabbola li għamel Ġesù, ngħidulu kemm aħna bravi. Jiena somt, jiena tlabt, jiena tajt karità, mhux bħal dak u kien qed iħares lejn il-Pubblikan. Hi l-ħmira li qiegħda magħna. Ġesù jgħidilna: “Iftħu għajnejkom, oqgħodu attenti” (Mk 8:15) minn dan l-atteġġjament li ma’ Alla donnu nidħlu f’negozjat u niddisprezzaw lil ħaddieħor.

Imma jsemmi wkoll il-ħmira ta’ Erodi. Għal Ġesù, Erodi kien dak li qatel lil Ġwanni l-Battista, Erodi kien il-volpi, l-arroganza, l-għatx għall-poter. Veru li fil-Palestina qed isibu affarijiet straordinarji li bena Erodi. Saħansitra bena palazz fuq muntanja u semmieh Herodion għalih. Jgħidu li waqt li kien qed imut ta l-ordni li jinqatlu diversi nies biex jgħid: meta mmut almenu jibku lil qrabathom jekk ma jibkux lili, ried li jkun hawn il-biki. Dan it-tip kien Erodi.

Meta Ġesù jgħid il-ħmira ta’ Erodi, hi l-ħmira tal-abbuż tal-poter, tal-arroganza, tal-vjolenza. Anke din il-ħmira ċkejkna, jekk ma niftħux għajnejna u noqogħdu attenti, tista’ tavvelena l-għaġna tal-Knisja għax il-ħmira hi ħaġa ċkejkna imma kif is-saltna t’Alla hi wkoll ħmira ċkejkna li tikber għat-tajjeb, hemm din il-ħmira fostna tal-Fariżej, ta’ Erodi li tista’ tħassar kollox. Ġesù donnu qed jgħidilhom: għandkom lili magħkom toqogħdux tinkwetaw fuq l-affarijiet tal-ġisem, inkwetaw fuq l-affarijiet iċ-ċkejknin li fostkom jistgħu jagħmlu ħsara kbira.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġen 6:5-8;7,1-5,10
Salm: 28 (29):1a,2,3aċ-4,3b,9b-10
L-Evanġelju: Mk 8:14-21