L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Imbierek il-frott tal-ġuf tiegħek!” (Lq 1:42) Dan hu l-kliem li smajna fl-Evanġelju llum, il-kliem li Eliżabetta qalet lil Marija. Hu l-kliem li nixtieq ngħid b’mod speċjali lill-ommijiet li qegħdin hawn, flimkien mal-missirijiet, għal din il-quddiesa – dawk li kellhom tarbija din is-sena li għaddiet, kif ukoll dawk li qed jistennew it-twelid tat-tarbija.
Post it-tfal iż-żgħar fil-knisja
Kemm hu sabiħ li bi tħejjija għall-festa ta’ Santa Marija f’din il-parroċċa għażiża ta’ Ħad-Dingli qegħdin miġburin flimkien għal din il-quddiesa llum biex niċċelebraw id-don tal-ħajja. Nixtieq qabel xejn nirringrazzjakom, għeżież ġenituri, ta’ dan id-don li intom ilqajtu minn Alla bi gratitudni kbira u li qed tgħożżu.
Ngħidha fil-bidu, u nixtieq li tiftakruha: aħna nieħdu pjaċir naraw liż-żgħar, anke meta għadhom żgħar ħafna, hawnhekk fil-knisja, għax il-Knisja hi l-familja ta’ Alla li tistagħna b’dawn iċ-ċkejknin. Jekk meta jkunu fil-knisja jgħajtu jew iwerżqu, ħa jgħajtu għax dik hi l-lingwa tagħhom bħalissa u aħna napprezzawha. Aħjar tarbija li tgħajjat hawn ġew, milli tarbija li tibqa’ barra minn din id-dar ta’ Alla biex ma nisimgħux l-għajta tagħha.
Marija tgħożż il-ħajja
Qegħdin ġimgħa qabel l-festa ta’ Santa Marija f’din il-parroċċa. Marija hi dik li tfakkarna fl-għożża tal-ħajja. Kienet hi li fl-ewwel mument li naqraw fuqha fl-Evanġelju, meta l-anġlu Gabrijel ġie jagħtiha l-messaġġ mingħand Alla, qalet iva għall-ħajja. Il-mument li aċċettat li tkun Omm Alla, tnissel fiha Ġesù u hemm il-bidu tal-ħajja ta’ Ġesù.
Meta ngħożżu l-ħajja umana mill-bidu tagħha nkunu qed inqiegħdu l-pedament biex inkomplu ngħożżuha f’kull waqt tagħha sat-tmiem naturali
Marija baqgħet tgħożż din il-ħajja tul ix-xhur kollha qabel Ġesù twieled. Hi kienet taf li mal-mument tat-tnissil, dawk li aħna nsejħulhom “ċelloli”, dawk il-ftit ċelloli, ma kinux ċelloli bħall-oħrajn imma kienu jfissru ħajja umana ġdida. Għalhekk insibuha tmur taqsam il-ferħ tad-don ta’ ħajja ġdida ma’ Eliżabetta li wkoll kienet qed tistenna tarbija, f’dik il-ġrajja sabiħa li smajna fl-Evanġelju fejn minn barra naraw tnejn min-nies imma fil-fatt huma erbgħa. Hemmhekk hemm dik il-festa ta’ ferħ – Marija u Eliżabetta jifirħu bil-ħajja ġdida li għandhom.
Marija hekk baqgħet fit-twelid ta’ Ġesù u wara t-twelid tiegħu: tipproteġi l-ħajja tiegħu. U baqgħet hekk sal-mument meta kienet taħt is-salib u qed tara l-ħajja ta’ Ġesù tintemm fix-xejn imma baqgħet hemm b’fedeltà, temmen f’Ġesù li jqum għal ħajja ġdida. Hemmhekk Marija kienet ma’ Ġesù vittma ta’ dawk li l-ħajja tal-bniedem ma kienet tiswa xejn għalihom, imma fl-istess waqt kienet qiegħda tistqarr li hi trid tibqa’ tgħożż il-ħajja sal-aħħar u temmen ukoll fil-ħajja ġdida.
Kien hemmhekk li Ġesù tahielna bħala Ommna biex tieħu ħsiebna fil-ħajja tagħna u biex tkompli dejjem tgħallimna l-għożża tal-ħajja. Illum żgur li Marija tħares lejn kull waħda u wieħed minnkom hawnhekk u tifraħ li bħalha intom qed tiċċelebraw id-don tal-ħajja u tirringrazzjaw lil Alla tad-don li takom.
Ftit ċelloli li huma ħajja umana ġdida
Aħna lkoll magħkom illum irridu nġeddu l-impenn tagħna biex ngħożżu l-ħajja umana, għax din hi prezzjuża, sa mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha. Ukoll meta għadha ma tidhirx, meta hemm biss ftit ċelloli. Hawn min illum qisu jiddieħak bil-fatt li mat-tnissil il-ftit ċelloli nsejħulhom ħajja umana ġdida, imma min jidħak b’dan ikun qed jidħak bih innifsu għax hekk kien fil-bidu tal-ħajja tiegħu – ftit ċelloli. Dawk il-ftit ċelloli huma ħajja umana ġdida li minna lkoll titlob li nilqgħuha. Anzi, iktar ma l-ħajja hi vulnerabbli u dipendenti, bħalma hi l-ħajja tal-bniedem qabel it-twelid, iktar teħtieġ minna appoġġ u sostenn.
Min jien biex nagħżel min jgħix u min jiġi skartat?
Hu messaġġ li jiswa ħafna għal żmienna għax ġa daħlet il-mentalità li meta hemm il-ħajja umana fil-bidu tagħha, u jkollha xi kundizzjoni partikulari, nistgħu niskartawha, inqegħduha fil-ġenb u nitilquha hemm biex ma tgħixx. Kerha din tgħidha, aħseb u ara tagħmilha! Min jien biex nista’ nagħżel min jgħix u min jibqa’ skartat għal dejjem? Kif nista’ nassumi dan id-dritt li nagħżel liema ħajja umana hi denja biex tgħix?
L-ambjent ifisser ħajja, u l-protezzjoni tal-ambjent tfisser il-protezzjoni tal-ħajja. Meta neqirdu l-ambjent, inkunu qed neqirdu l-istess ħajja tagħna u tal-oħrajn
Meta ngħożżu l-ħajja umana mill-bidu tagħha nkunu qed inqiegħdu l-pedament biex inkomplu ngħożżuha f’kull waqt tagħha sat-tmiem naturali. Jekk mill-bidu jkollna idea li hemm min mhux denju li jgħix, din il-mentalità tkompli tinfirex anke fis-snin u nibdew inħarsu lejn in-nies b’din il-lenti, speċjalment meta dawn ikunu f’qagħda ta’ dipendenza jew isiru vulnerabbli.
Il-protezzjoni tal-ambjent tfisser protezzjoni tal-ħajja
Alla tana d-don tal-ħajja u jridna li nħarsu l-ħajja f’kull waqt tagħha. Nixtieq insemmi li anke fl-għażliet konkreti li nagħmlu tul il-ħajja tagħna, hu importanti li dejjem naraw li nkunu qed inħarsu l-ħajja tagħna u tal-oħrajn. Insemmi l-ambjent, il-ħolqien li Alla tahulna biex inħarsuh mhux biex neqirduh – qed ngħid għas-siġar, għall-pjanti, għan-natura, għal dak li jfisser arja pura u nadifa. L-ambjent ifisser ħajja, u l-protezzjoni tal-ambjent tfisser il-protezzjoni tal-ħajja. Meta neqirdu l-ambjent, inkunu qed neqirdu l-istess ħajja tagħna u tal-oħrajn.
Illum hawn dawn it-tfal żgħar ħafna li rriduhom jikbru f’soċjetà li tħares il-ħajja tagħhom. Nixtieq nagħmel appell partikolari biex il-kriterju prinċipali fl-għażliet tagħna jkun dan: li nipproteġu l-ħajja tagħna u tal-oħrajn, u li l-ħajja ta’ dawn iż-żgħar tikber, tiżviluppa, tifjorixxi b’mod li verament jistgħu jgawdu dak li Alla tahom.
Nitolbu lil Marija tipproteġi liċ-ċkejknin
“Qegħidli fuq fommi għanja ġdida, għanja ta’ tifħir lil Alla tagħna” (Salm 40:4). Dan hu l-kliem tas-Salm li tlabna llum, u hu l-kliem ta’ tifħir li qed ngħidu llum, f’din l-okkażjoni sabiħa. Nirringrazzjaw illum lil Marija Omm il-ħajja, u nitolbuha tkompli tħares lilna lkoll u l-familji tagħna.
Aħna u nippreżentaw, f’din il-quddiesa, dawn iċ-ċkejknin lil Marija, nitolbuha li tkompli dejjem tipproteġi l-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minhom, u tal-familji tagħhom, u tgħinhom biex huma jkunu xhieda ta’ kemm il-ħajja hi għażiża u prezzjuża.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju