• World Youth Day 2014

  • Nhar il-Ħadd 13 ta’ April 2014, il-Knisja Kattolika tiċċelebra l-Jum Dinji taż-Żgħażagħ. Għal din l-okkażjoni, il-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ (KDŻ) qed tniedi spot ta’ 30 sekonda u verżjoni itwal ta’ żewġ minuti biex jixxandru fil-media. It-tema tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ 2014, li ntagħżlet mill-Papa Franġisku, hi meħudha mill-Evanġelju ta’ San Mattew, “Ħenjin il-foqra fl-ispirtu għax tagħhom hija s-saltna tas-smewwiet” (Mt 5,3).
    Il-produzzjoni hija mfassla fuq il-messaġġ li l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. wassal liż-żgħażagħ għall-okkażjoni tal-Jum Dinji taz-Żgħażagħ. F’dan il-messaġġ l-Arċisqof qal, “li nkunu foqra fl-ispirtu tfisser li nżommu rwieħna miftuħin għal Alla u għal ta’ madwarna”.
    Din hija l-ewwel darba li l-messaġġ annwali tal-Arċisqof liż-żgħażagħ nħadem fi produzzjoni awdjoviżiva. L-Arċisqof Cremona hu ħerqan li jkompli jwessa’ l-interazzjoni maż-żgħażagħ permezz tal-meżżi ta’ kommunikazzjoni soċjali.
    L-animazzjoni hi maħruġa mill-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ (KDŻ) bi produzzjoni tal-Media Centre. Il-verżjoni sħiħa tinsab fuq il-website tal-KDŻ www.kdz.org.mt.
    Jum iż-Żgħażagħ jiġi imfakkar kull sena f’Ħadd il-Palm, tradizzjoni li bdiet mill-Papa Ġwanni Pawlu II fl-1983.