Nhar it-Tlieta 11 ta’ Frar 2020, madwar id-dinja ser jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji tal-Morda, li twaqqaf minn San Ġwanni Pawlu II 28 sena ilu. Kull 11 ta’ Frar titfakkar ukoll l-ewwel dehra tal-Madonna f’Lourdes.
Jum il-Morda ser jiġi ċċelebrat b’Quddiesa fis-Santwarju ta’ Santa Tereża, Birkirkara. Il-Quddiesa ser tibda fl-10am u ser titmexxa mill-Isqof Awżiljerju Joseph Galea-Curmi. Jikkonċelebra Dun Joseph Mizzi, il-kappillan tal-għaqda djoċesana għat-trasport tal-morda f’Lourdes (UMTAL) u s-saċerdoti kollha li jaħdmu fl-isptarijiet u l-homes. Kulħadd huwa mistieden, b’mod speċjali l-morda u l-anzjani rikoverati fid-djar tal-anzjani.
Il-messaġġ tal-Papa Franġisku għal Jum il-Morda ta’ din is-sena huwa: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom” (Mt 11:28). Dawn il-kelmiet jesprimu s-solidarjetà tal-Iben ta’ Alla, Ġesù Kristu, quddiem umanità mħabbta u fit-tbatija. Kemm persuni jbatu fil-ġisem u fl-ispirtu! Huwa jsejjaħ lil kulħadd lejh: “Ejjew għandi”, u jwegħedhom is-serħan u l-mistrieħ.
Kulħadd mistieden jitlob għal dawn ħutna kif ukoll għal dawk kollha li joffru s-servizz professjonali tagħhom b’risq il-marid. Fuq kollox mistiedna nkunu bħas-Samaritan it-tajjeb li semma’ Kristu fil-Evanġelju, billi noffru akkoljenza, serħan u faraġ għal dawn ħutna.
Din is-sena l-pellegrinaġġ djoċesan għall-morda f’Lourdes se jkun mill-20 sal-25 ta’ Lulju 2020. Min hu interessat jista’ jċempel fuq 79226606 jew jibgħat fuq [email protected]