Il-Kummissjoni Emigranti nkarigat lill-Grupp Exalta biex fil-ġimgħat li ġejjin jibda x-xogħol fuq l-ewwel fażi tal-Mużew Diġitali tal-Migrazzjoni, li se jsir f’Dar l-Emigrant, il-Belt Valletta.

Il-ftehim kien ffirmat f’Dar l-Emigrant minn Mons Philip Calleja u Dun Alfred Vella għall-Kummissjoni Emigranti, u Ryan Mallia f’isem l-Exalta.

L-ewwel fażi tal-proġett se tiffoka fuq is-Sala Ċentrali tal-Mużew. Fil-bidu se jsir ix-xogħol strutturali meħtieġ biex is-sala tiġi mħejjija għall-iskop il-ġdid fl-użu tagħha. Dan ix-xogħol jinkludi disinjar, adattament tal-ħitan u tal-art, sistema adatta tal-elettriku u żebgħa. Imbagħad tibda t-tħejjija ta’ podium ta’ informazzjoni diġitali fuq mejda fiċ-ċentru tas-sala, u sistema interattiva.

Il-podium ċentrali tat-tagħrif se jkun jikkonsisti fi tmien LED Screens, tmien Touch Screen Interfaces u kompjuters li joperaw kull skrin. Is-Sistema Interattiva tal-Mużew toffri l-opportunita` li jkun hemm numru kbir ta’ taqsimiet u li l-informazzjoni offerta lill-viżitatur tiġi ppreżentata b’mod attraenti u interattiv. Il-viżitatur se jkun inkuraġġut juża l-podium ċentrali biex ifittex fl-informazzjoni diġitali billi juża l-movimenti naturali tal-id fuq l-iskrin li jagħżel.

Agħfas hawn biex tkompli taqra dan l-artiklu mis-sit www.il-gensillum.com