
Delegazzjoni tal-Koordinazzjoni Ekkleżjali tal-Mediterran kellha udjenza mal-Papa Ljun XIV fil-Vatikan, laqgħa li ġabret flimkien rappreżentanti minn diversi pajjiżi u istituzzjonijiet tal-Knisja li jaħdmu flimkien biex jissaħħu d-djalogu u l-paċi fil-Mediterran.
F’din id-delegazzjoni, Malta kienet rappreżentata minn Dun Jean Claude Attard, bħala l-Koordinatur għall-Preżenza Djoċesana fil-Mediterran għall-Arċidjoċesi ta’ Malta. Fl-intervent tiegħu enfasizza l-identità partikolari ta’ Malta, magħmula minn elementi Ewropej, Għarab u Afrikani, li flimkien ma’ tradizzjoni twila tal-lingwa Ingliża qed jgħinu lill-gżira tkun “għajn ta’ kenn u mistrieħ” għall-popli kollha tal-Mediterran.
Waqt il-laqgħa l-Papa ddeskriva x-xogħol li jagħmel il-grupp bħala sinjal qawwi ta’ tama “f’dinja li għandha bżonn sinjali ta’ tama”.

Il-Papa kien partikolarment attent għall-inizjattivi favur l-edukazzjoni għall-paċi u l-kultura tal-laqgħa li ppreżentatlu d-delegazzjoni, u kompla ħeġġeġ il-ħidma ta’ komunjoni bejn il-ħamest ixtut tal-Mediterran karatterizzati minn avvenimenti traġiċi u gwerer li qed ikomplu jiżdiedu.
L-għan tad-Delegazzjoni tal-Koordinazzjoni Ekkleżjali tal-Mediterran hu li tippromwovi riflessjoni komuni u azzjoni konkreta fuq temi bħall-migrazzjoni, id-djalogu bejn kulturi u reliġjonijiet, u l-missjoni tal-Knisja f’reġjun li ilu għal sekli sħaħ spazju ta’ laqgħa bejn popli differenti.
Għal-laqgħa mal-Papa kienu preżenti l-President tal-koordinazzjoni, il-Kardinal Jean-Marc Aveline u s-Segretarju Ġenerali Dun Alexis Leproux. Attendew ukoll isqfijiet mill-Italja, it-Tuneżija, Ċipru u Spanja, kif ukoll rappreżentanti mid-Dikasteru għall-Promozzjoni tal-Iżvilupp Uman Integrali, min-network tat-teologi RTMed, mir-Rumanija, il-Libanu, Spanja u l-Albanija.

F’Ġunju li ġej, Barċellona se tilqa’ fiha mal-200 persuna sabiex ikomplu jaħdmu fuq l-għan li jsaħħu l-komunjoni bejn il-Knejjes fil-Mediterran kif ukoll jinvolvu ġenerazzjonijiet ġodda fil-ħidma għall-paċi.
Żur https://medecclesia.org/ għal aktar informazzjoni dwar il-COMED u https://mela.org.mt dwar il-ħidma f’Malta.




