L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Żerriegħa tal-mustarda” (Mt 13:31) u “ftit ħmira” (Mt 13:33). Huma dawn iż-żewġ tixbihat li juża Ġesù fil-parabboli li jsemmi llum dwar is-saltna tas-smewwiet. Ġesù, meta jitkellem b’dawn il-parabboli, ma jagħmilx diskors infantili imma diskors sempliċi li fih ħafna għerf divin. Hawnhekk Ġesù qed iqabbel is-saltna tas-smewwiet ma’ kif taħdem żerriegħa tal-mustarda, u tikber; u x-xogħol li tagħmel ukoll il-ħmira.

Ħa naraw it-tifsira ta’ dawn. Żerriegħa tal-mustarda hija żerriegħa żgħira ħafna. Ġesù jsemmi, fil-fatt, li hija “l-iżgħar waħda fost iż-żrieragħ kollha” (Mt 13:32). Għalhekk Ġesù qed jgħid fuq xi ħaġa li hija żgħira, imma li meta ssib art tajba, imbagħad bil-mod il-mod tikber f’xi ħaġa kbira. U tagħmel dan fis-skiet, fil-kwiet, mingħajr ħadd mhu qed jinduna jew mingħajr ma tiġbed l-attenzjoni fuqha. Hawnhekk Ġesù diġà qed jgħid li hu b’dal-mod li s-saltna tas-smewwiet tikber: fis-skiet u fil-kwiet, mingħajr ħafna teatrin u spettaklu, mingħajr ħafna affarijiet sensazzjonali, imma b’mod effettiv, u tħalli l-frott – bħal diż-żerriegħa li tikber f’siġra kbira u “l-għasafar tal-ajru jiġu jbejtu fil-friegħi tagħha” (Mt 13:32). L-istess meta jitkellem fuq il-ħmira. Il-ħmira mhijiex xi ħaġa kbira, imma xi ħaġa li l-mara tħallat “ma’ tliet sigħan dqiq sa ma tkun għoliet l-għaġna kollha” (Mt 13:33). Dan hu proċess li jieħu ż-żmien, ma jsirx mal-ewwel, imma b’mod effettiv iħalli riżultat tajjeb.

Hawn Ġesù qed jitkellem, l-ewwel nett, fuq kif Alla jaħdem fil-ħajja tagħna, kull wieħed u waħda minna, jekk aħna niftħulu qalbna u nħalluh. Hu jaħdem b’dan il-mod: l-Ispirtu ta’ Alla jgħinna biex il-ħidma tiegħu tkun bħal żerriegħa li ssib art tajba, u mbagħad tikber bil-mod il-mod u tista’ tħalli l-frott. U l-istess, bħall-ħmira, hekk jaħdem l-Ispirtu ta’ Alla fil-ħajja tagħna. Imma jiddependi minna jekk inħalluhx, jekk niftħux qalbna għalih, biex jista’ tassew jaħdem fina.

Imbagħad Ġesù qed jitkellem ukoll fuq kif aħna, jekk inħallu l-Ispirtu ta’ Alla jaħdem fina, nistgħu nagħtu kontribut pożittiv fil-ħajja tal-Knisja u tas-soċjetà. Dan jekk aħna naħdmu b’dal-mod – jiġifieri nagħtu s-sehem tagħna, kultant fis-skiet u fil-kwiet, mingħajr ma niġbdu l-attenzjoni bilfors fuqna, mingħajr ħafna storbju u fanfarunati, imma b’mod tassew effettiv li jħalli l-frott. Din il-ħidma, jekk magħmula b’dan l-ispirtu li jsemmi Ġesù, tgħin biex is-saltna tas-smewwiet tikber u tissaħħaħ.

Jekk naħsbu ftit, kemm ħidma ssir fil-ħajja tal-Knisja b’dal-mod! Kemm nies, kuljum, f’kull ħin, fil-ħajja tal-Knisja, qed jagħtu s-sehem tagħhom b’dan il-mod – jiġifieri fil-kwiet, fis-skiet, imma ħidma għall-ġid, b’kontribut pożittiv! Din narawha ħafna fil-ħidma ta’ karitù jew ħidma soċjali tal-Knisja; imma narawha wkoll fil-ħidma tat-tħabbir tal-Kelma, tal-Evanġelju. Mhux bilfors nisimgħu b’din il-ħidma fl-aħbarijiet, mhux bilfors dil-ħidma tagħmel ħafna ħoss; imma jekk magħmula b’dan l-ispirtu, tkun tassew ħidma effettiva. Għalhekk il-Kelma ta’ Alla llum lilna tagħmlilna ħafna kuraġġ. Tgħinna biex nagħrfu li nistgħu lkoll nagħtu kontribut pożittiv. Kultant jiġrilna li nħarsu madwarna, naraw ħafna dlam – jiġifieri ħafna affarijiet ħżiena – u qisu anke l-kliem tagħna jkun kliem ta’ skoraġġiment jew ta’ qtigħ il-qalb. Imma Ġesù qed jgħidilna: aħna għandna din ir-responsabbiltà – din is-sejħa minnu – li nagħtu kontribut pożittiv bil-mod kif jurina hu, jiġifieri fis-skiet, fil-kwiet.

Jekk inħallu l-Ispirtu ta’ Alla jaħdem fina, inkunu qed nagħtu tassew dan il-kontribut pożittiv fil-ħajja tas-soċjetà tagħna. Nitolbu lill-Mulej biex aħna nkunu dawk li nagħmlu ħidma tassew b’dan l-ispirtu, u nkunu sinjali ta’ tama, anke qalb soċjetà fejn kultant dak li jidher l-aktar, jew li jagħmel ħoss, ikun dak li jaqtagħlek qalbek. Inkomplu nkunu sinjal ta’ tama fis-soċjetà Maltija llum.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta