L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Kienu qegħdin ifittxu li joqtluh” (Ġw 7:1.25). Għal darbtejn, f’din is-silta qasira, nisimgħu li kien hemm min lil Ġesù kien qed ifittex li joqtlu. U aktar ’il quddiem jgħid li “fittxew jaqbduh” (Ġw 7:30). Fil-fatt, hawnhekk Ġesu qiegħed qalb nies li wħud minnhom aċċettawh, u wħud minnhom irrifjutawh. F’dal-kapitlu sebgħa ta’ San Ġwann, hemm ideat differenti fuq Ġesù. Hemm min jgħid li hu raġel tajjeb, hemm min jgħid li qed iwassal tagħlim tajjeb, hemm min jgħid li jrid iqarraq. Imma mbagħad, fost dawn in-nies kollha, kien hemm oħrajn li kienu qed ifittxu li jeliminawh.

Tajjeb li aħna nħarsu lejn dawn in-nies, u nistaqsu: x’kienet ir-raġuni? Ġesù kien għamel xi ħaġa ħażina ħafna, xi delitt? Kien għamel xi ħaġa li lilhom tant urtathom? Naraw li f’diversi mumenti tal-ħajja ta’ Ġesù kienu qed jaħsbu kif joqtluh, kif jeliminawh. Ir-raġuni kienet għaliex huma ma aċċettawhx, u speċjalment ma aċċettawx meta kienu qed jaraw il-mirakli li Ġesù kien qed jagħmel, it-tagħlim li kien qed iwassal, li kien bniedem speċjali, li kien fil-fatt bin Alla. Imma, il-mument li Ġesù jitkellem fuq xi ħaġa hekk, mal-ewwel iduru kontrieh. Għalhekk kellu kellu din l-oppożizzjoni sħiħa lil Ġesù fil-ħidma tiegħu, u naraw li hawnhekk diversi drabi jfittxu li joqtluh.

X’għamel Ġesu? F’din is-silta naraw kemm Ġesù mexa b’għaqal u bi prudenza, imma wkoll b’kuraġġ. Mexa b’għaqal, għax għall-bidu, fil-fatt, lanqas kien se jmur għall-festa tal-Għerejjex f’Ġerusalemm. Din kienet festa li jagħmlu biex ifakkru dak li Alla għamel mal-poplu Lhudi meta salvahom. Għall-bidu ma kienx sejjer, imma mbagħad iddeċieda li jmur imma mingħajr ma joqgħod jitfa’ l-attenzjoni fuqu. Fil-fatt, f’dan il-kapitlu fl-Evanġelju skont San Ġwann, naqraw li l-qraba tiegħu bdew jgħidulu: itla’ għall-festa, ħalli n-nies ikunu jafu min int. Imma Ġesù qalilhom: le. Imbagħad tela’, hawnhekk jgħidlek “bil-moħbi” (Ġw 7:10), jiġifieri mingħajr ma ġibed l-attenzjoni fuqu, sal-mument meta mbagħad fit-Tempju f’Ġerusalemm beda jxandar il-Kelma u jgħidilhom, għax l-enfasi qiegħda hawn: “jien ma ġejtx minn rajja, imma kien hemm wieħed tassew li bagħatni” (Ġw 7:28) – jiġifieri li hu mibgħut mill-Missier. Fil-fatt li naraw hawn f’Ġesù hu kemm il-prudenza tiegħu imma wkoll il-kuraġġ, għax meta kien il-waqt, ħabbar il-Kelma mingħajr biża’ u quddiem kulħadd.

Imma naraw ukoll li Ġesù kontinwament ried li n-nies jagħrfu li hu mibgħut mill-Missier, u li hu mhux qed ifittex il-glorja tiegħu, imma l-glorja tal-Missier. Għalhekk kontinwament jgħid hawnhekk li “kien hu li bagħatni” (Ġw 7:29), u jien qed naqdi dil-missjoni li tani hu.

Hawn għandna ħafna tagħlim tajjeb għall-ħajja tagħna. L-ewwel nett, aħna wkoll ġieli nsibu ambjent li ma jilqax il-Kelma ta’ Alla, u nies li jopponu dak li jrid Alla. Bħalma kien fi żmien Ġesù, hekk tul is-snin tal-Knisja. F’divesi postijiet ukoll hawn min verament ifittex li joqtol lil dawk li jwasslu l-Kelma ta’ Alla. F’postijiet oħra jfittxu li joqtlu l-messaġġ, li joqtlu dak li hu pożittiv fil-ħajja tal-Knisja u fil-messaġġ li twassal il-Knisja. Din hija r-realtà, u għandna nkunu konxji ta’ din ir-realtà. Qatt ma għandha din tnissel fina l-biża’, imma anzi, fuq l-eżempju ta’ Ġesù stess, għandna nimxu dejjem b’għaqal u b’kuraġġ. B’għaqal biex aħna ma nfittxux għalxejn il-konflitti jew inkella li niġbdu l-attenzjoni fuqna nfusna; imma b’kuraġġ għaliex il-Kelma ta’Alla għandna nkomplu nwassluha. Speċjalment, meta nagħrfu l-enfasi li jagħmel Ġesù hawn li jgħid “kien il-Missier li bagħatni”, hekk niftakru li aħna mibgħutin minn Ġesù meta qalilna: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Bxara t-Tajba” (Mk 16:15). Għalhekk għandna nkomplu nwasslu l-Kelma ta’ Alla b’għaqal u b’kuraġġ.

Nitolbu lill-Mulej illum, fid-dawl ta’ din il-Kelma tiegħu, biex jagħtina dejjem din l-imħabba lejh li tmexxina f’dak kollu li nagħmlu, f’dak kollu li ngħidu, u biex inkomplu nwasslu l-Kelma tiegħu b’ħafna għaqal, imma dejjem bla biża’ u b’kuraġġ.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta