L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Żgur li ħadd minna mhu se jlum lil dawk id-dixxipli li kienu ma’ Ġesù fid-dgħajsa qed jaqsmu l-baħar tal-Galilija, li twerwru meta qabdithom il-maltempata. L-Evanġelju jgħid li f’daqqa waħda, qam riefnu kbir, il-mewġ beda tiela’ għal ġod-dgħajsa, u din bdiet timtela bl-ilma. Sitwazzjoni tal-biża’! U qalb dan kollu, hemm Ġesù li qiegħed magħhom, imma rieqed fil-poppa tad-dgħajsa. Bilfors kienet raqda fil-fond, biex f’dil-maltempata kollha baqa’ rieqed. Għalhekk id-dixxipli qajmuh u qalulu: “Mgħallem, dan qisu mhu xejn għalik li aħna se nintilfu?” Qishom qed jeħduha miegħu u jgħidulu: int ma jimpurtakx?
Ġesù wriehom li jagħti kas għax l-ewwel ħaġa li għamel ma kinetx li wieġeb lilhom imma sikket il-baħar u r-riħ, u reġgħet lura l-kalma. Imma mbagħad dar fuqhom u qalilhom: “Dal-biża’ kollu għaliex? Mela m’għandkomx fidi?”
Il-preżenza tiegħu tagħmel id-differenza
Tinstema’ stramba dil-mistoqsija “Dal-biża’ kollu għaliex?” Mhux ovvja għaliex! Meta tkun f’maltempata bħal dik, żgur tibża’. Imma meta taħseb fil-fond, tintebaħ li għad-dixxipli Ġesù kien bniedem speċjali – “mgħallem” sejħulu – kien bniedem li, mill-esperjenza tagħhom, kienu jafu li kellu ċerti qawwiet; imma kien xi ħadd li trid tqajmu, li trid tgħidu int biex jagħmel xi ħaġa, li qisu ma jindunax jekk ma tgħidlux int. Mill-bqija jorqod u jistgħu jinbelgħu lkoll mill-mewġ.
Jekk ikollna fidi fih, nintebħu li hu jgħinna negħlbu l-maltempati tal-ħajja.
Għalhekk Ġesù jgħidilhom “Mela m’għandkomx fidi?” Xi ftit konvinzjoni kellhom li Ġesù jista’ jagħmel xi ħaġa, għalhekk qajmuh. Imma għalihom Ġesù kien dak li trid tgħidlu int, li trid timbuttah int biex jieħu azzjoni. Għalhekk il-messaġġ li ħadu dakinhar dawn id-dixxipli kien li Ġesù kien preżenti magħhom, anke meta qisu mhux hemm, anke meta qisu ma jagħmilx dak li tixtieq. Hu preżenti magħhom, qed jagħti kas, u l-preżenza tiegħu tagħmel id-differenza kollha.
Għajnuna lill-Insara ppersegwitati
Fil-fatt, din is-silta kienet ta’ għajnuna kbira fi żmien meta l-Knisja kienet għaddejja minn persekuzzjoni fil-bidu tagħha. Ħafna Nsara kienu ppersegwitati minħabba l-fidi tagħhom. Raw ħafna iebes. Huma u jiftakru f’din il-ġrajja, kienu jagħmlu l-qalb u jiftakru l-iktar ħaġa importanti, qalb il-persekuzzjoni: Ġesù magħna. Mhuwiex assenti, anke meta kultant ma jinħassx preżenti. Hi l-preżenza tiegħu li tagħmel id-differenza kollha. Huwa hu l-qawwa u l-forza fiż-żmien diffiċli. Huwa hu li jgħinhom ma jaqtgħux qalbhom. Din il-ġrajja ħalliet impatt kbir fuq l-Insara għax kienet tfakkarhom li Ġesù hu ta’ kuraġġ fil-mumenti diffiċi tal-ħajja.
Sostenn fil-vjaġġ tal-ħajja
Dan hu messaġġ importanti wkoll għalina llum, għax il-ħajja tagħna kultant hi bħal dan il-vjaġġ tad-dixxipli. Aħna kultant ngħaddu minn maltempati fil-ħajja, ġieli kbar. Jistgħu jkunu fil-ħajja tal-familja, fir-relazzjonijiet mal-oħrajn, fuq ix-xogħol, fil-ħajja personali. Niltaqgħu ma’ tempesti li ġieli jagħtuna x’nifhmu li ma hemmx tama. Id-dgħajsa żgħira ta’ ħajjitna qisha timtela bl-ilma minn ħafna nħawi. U Alla li nemmnu fih inħossuh qisu qed jieħu nagħsa, rieqed. F’qalbna jew fit-talb tagħna, f’dawn il-mumenti, ikun hemm qisu l-mistoqsija tad-dixxipli: “Dan qisu mhu xejn għalik?” M’intix qed tirrealizza minn xiex għaddejjin aħna?
Imma fil-fatt dil-ġrajja turina li Alla ma jabbandunaniex, ma jitlaqniex waħedna. Huwa hu l-akbar forza. Jista’ f’mumenti jinħass qisu mhux hemm, imma hemm qiegħed. Jista’ jidher qisu telaqna, imma hemm qiegħed. Anke meta nħossu qisu mhux qed jagħti kas, hu qed jagħti kas, anzi hu dak li fuqu nistgħu nserrħu ħajjitna. Il-preżenza tiegħu tagħmel id-differenza kollha.
Ġrajja li tagħmlilna ħafna kuraġġ
Jekk ikollna fidi fih, nintebħu li hu jgħinna negħlbu l-maltempati tal-ħajja. Ġesù qatt ma qalilna: ‘imxu warajja, u ma jinqalgħalkom xejn, taraw kif kollox ikun faċli, bla problemi’. Qatt ma qalilna hekk. Qatt ma qalilna li m’aħniex se niltaqgħu ma’ dak li hu iebes, mad-diffiċli fil-ħajja, imma wegħidna li se jkun magħna fil-mumenti ibsin ta’ ħajjitna. Meta aħna naħsbuh li mhux hemm, jew li rieqed, jew qisna rridu ngħidulu aħna biex jagħmel xi ħaġa, nintebħu li hu hemm biex jgħinna nimxu ’l quddiem, anzi biex jerfagħna. Il-ġrajja tal-lum lilna tagħmlilna ħafna kuraġġ, u tgħinna biex aħna qatt ma naqtgħu qalbna, imma negħlbu l-biża’ u nkomplu mexjin ’il quddiem.
Nitolbu lill-Mulej, ispirati minn din il-kelma tiegħu: saħħaħ fina l-fidi. Għinna biex nemmnu fil-preżenza tiegħek, anke meta ma narawhiex jew ma nħossuhiex. Fakkarna li int dejjem magħna, fil-waqtiet kollha ta’ ħajjitna, speċjalment fil-maltempati tal-ħajja, u li l-preżenza tiegħek hi dik li tgħinna u ssostnina, u li tgħinna ma ninħakmux mill-biża’. Fakkarna li fik biss jista’ jkollna s-salvazzjoni.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju