L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Naħseb li indunajtu, fil-ġrajja tal-Evanġelju tal-lum, kif inbidlet l-imġiba tan-nies waqt li qed jisimgħu lil Ġesù. Fil-bidu, naqraw: “ilkoll laqgħu kliemu u stagħġbu għall-kliem mimli ħlewwa li kien ħiereġ minn fommu”. Meta semgħuh, għoġobhom dak li qal, u laqgħuh. Dan fil-bidu. Imma lejn l-aħħar, wara li jkompli jkellimhom, naqraw li “kulħadd imtela bil-korla”.  Qanqal fihom rabja kbira u ħarġuh ’il barra mill-belt bl-iskop li jixtħuh mix-xifer tal-irdum tal-għolja għal isfel. Saru vjolenti u riedu joqtluh; li kien għalihom, eliminawh.

Għaliex din il-bidla fl-imġiba tan-nies li kienu qegħdin jisimgħu lil Ġesù? Qalilhom xi ħaġa li biha insultahom? Qal xi kliem li weġġagħhom?

Le. Meta naqraw l-Evanġelju, nindunaw li mhux hekk. Ġesù kompla jfissrilhom min hu Alla,

kif Alla hu għal kulħadd, għall-bnedmin kollha. Mhuwiex Alla ta’ xi poplu wieħed jew ta’ razza waħda. Jidher li l-verità kienet iebsa wisq għalihom u għalhekk għamlu dik ir-reazzjoni vjolenti.

Falliment?

Kien falliment għal Ġesù dakinhar li mar is-sinagoga fil-bidu tal-ministeru tiegħu? Naħseb li hekk qalu dawn in-nies li kienu qed jisimgħuh. Qalu: beda tajjeb! Falliment mill-ewwel ftit mumenti tal-missjoni tiegħu! Min ra dak li ġara mil-lenti tan-nies, jiġfieri jekk hux qed jogħġob jew le lin-nies, rah bħala falliment kbir.

Aħna wkoll, imsejħin biex ma nibżgħux ngħidu l-verità, anke meta din tfisser li neħduha kontra l-inġustizzja, l-egoiżmu, l-abbuż ta’ setgħa, l-ipokrezija, kull xorta ta’ ħażen

Imma aħna nafu – u din hi kelma importanti għall-ħajja tagħna – li l-falliment jew suċċess għal Ġesù ma kienx jiddependi fuq jekk jaċċettawhx jew le l-parti kbira tan-nies. Imma kien jekk dak li jagħmel hu, jagħmlux b’fedeltà lejn Alla. Dak kien il-kriterju ta’ jekk hux falliment jew suċċess.

Missjoni profetika

Din hi l-missjoni profetika ta’ Ġesù. Hawn għandna lil Ġesù bħala l-profeta speċjali. Xi jkun profeta? Għal ħafna, profeta jfisser xi ħadd li jgħid x’se jiġri fil-futur. Imma dik mhijiex it-tifsira ta’ profeta, anke jekk ħafna mill-profeti kienu fil-fatt iħabbru l-ġejjieni. Il-profeta hu xi ħadd magħżul minn Alla, u mibgħut għand il-poplu biex iwassal il-kelma tiegħu, bħalma rajna fl-Ewwel Qari s-sejħa tal-profeta Ġeremija. U biex iwassalha b’mod ċar u kif inhi; u jkun lest ukoll li jbati għax il-Kelma ta’ Alla jwassalha kif inhi. Hekk ġralu Ġeremija. Hekk ġralu wkoll Ġesù fil-missjoni tiegħu.

Illum nifhmu aktar li din mhix biss is-sejħa ta’ xi wieħed jew tnejn, imma hi s-sejħa tal-Knisja, tal-insara kollha, bil-magħmudija. Meta tgħammidna fi Kristu, sseħibna ma’ Ġesù f’din il-missjoni profetika tiegħu. U għalhekk imsejħin biex bħal Kristu, bil-kelma u bl-eżempju, inwasslu l-Kelma ta’ Alla b’mod ċar u bi spirtu ta’ servizz lejn kulħadd.

Kelma kultant skomda

Meta nkunu profeti kif iridna Alla, irridu nwasslu l-kelma tiegħu ukoll meta din ma togħġobx. Proprju kif rajna fl-Evanġelju, għall-bidu stagħġbu bil-kliem mimli ħlewwa ta’ Ġesù imma ħaduha bl-aħrax miegħu meta kompla jgħid il-verità. Aħna wkoll, imsejħin biex ma nibżgħux ngħidu l-verità, anke meta din tfisser li neħduha kontra l-inġustizzja, l-egoiżmu, l-abbuż ta’ setgħa, l-ipokrezija, kull xorta ta’ ħażen. Il-leħen tan-Nisrani-profeta kultant hu skomdu għal min irid jibqa’ jgħix fil-ħażen. Il-ħajja tiegħu għandha tkun ċanfira għal min irid jibqa’ fil-ħażen.  

Irridu niftakru li, għalina wkoll, il-kejl tas-suċċess jew falliment tagħna bħala Nsara mhuwiex għax in-nies kollha se jaqblu. Ġesù wriena dan b’mod ċar meta f’dak li kien jgħid ma fittixx li jingħoġob – jara x’jogħġob in-nies u jagħtihulhom – imma li jwassal bil-fedeltà l-Kelma ta’ Alla. Hekk aħna msejħin ukoll. Il-Kelma ta’ Alla se jkun hemm min jaċċettaha u min jirrifjutaha, imma l-importanti li nwassluha bil-fedeltà.

Hi missjoni diffiċli kultant, li tqanqal kritika qawwija, bħalma għadda minnha Ġesù. Qed tmur kontra l-kurrent, biex tiddefendi dak li hu tajjeb. Meta l-Knisja – aħna l-Insara – naqdu d-dmir tagħna, m’għandniex nibżgħu minn din il-kritika. Aħjar issib kritika għax tiddefendi t-tajjeb, milli għax ma tgħixx tajjeb. 

Tibżax, jien inkun miegħek

Fl-istess waqt, il-verità trid dejjem tkun imsieħba mal-imħabba. Għalhekk San Pawl, fl-Ewwel Ittra tiegħu lill-Korintin, jgħid li rridu naħdmu dejjem b’dan l-ispirtu ta’ mħabba – l-imħabba li tħenn, li tistabar, li ma titkabbarx fuq l-oħrajn, li taħfer u ma żżommx f’qalbha għad-deni, li tistabar. Dan irid ikun l-ispirtu li jmexxina u hemm inkunu tassew nixbhu lil Kristu.

Irridu niftakru wkoll li Alla jagħmlilna l-kuraġġ u jgħinna fil-missjoni tagħna. Lil Ġeremija l-Mulej jgħidlu: la tibżax, jien inkun miegħek. Hekk jgħid lilna wkoll. Nitolbu lill-Mulej il-grazzja tal-fedeltà lejh, u l-kuraġġ biex inwasslu l-kelma tiegħu, anke meta din ma tkunx aċċettata jew tinħass skomda minn xi wħud, u nwassluha bil-verità u bl-imħabba.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju