L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Dan hu Ibni l-għażiż li fih sibt il-għaxqa tiegħi. Isimgħu lilu” (Mt 17:5). Dan il-kliem instemgħa minn leħen ġo sħaba f’din il-ġrajja tat-Trasfigurazzjoni li għadna kif smajna rrakkuntata. Kien l-istess leħen tal-Missier li fil-Magħmudija ta’ Ġesù kien qal: “Dan hu Ibni l-għażiż: fih sibt il-għaxqa tiegħi” (Mt 3:17).
Huwa kliem fil-qalba ta’ din il-ġrajja tat-Trasfigurazzjoni li baqgħet fil-moħħ u fil-qalb tat-tliet iħbieb ta’ Ġesù li ħa miegħu – Pietru, Ġwanni u Ġakbu. Dakinhar, lilhom tahom ħjiel, għal ftit mumenti, tal-glorja li kien se jkollu Ġesù wara l-passjoni u l-mewt tiegħu. Għalhekk kienet esperjenza mill-isbaħ għalihom, ġrajja li baqgħu dejjem jirrakkontaw: li Ġesù kien urihom minn qabel, għal ftit mumenti, dak li kellu jseħħ fil-glorja meta hu jqum mill-mewt, jirbaħ il-mewt.
L-iktar ħaġa importanti għall-Knisja
Hawnhekk l-iktar kliem importanti huwa dan: “Dan hu Ibni l-għażiż li fih sibt il-għaxqa tiegħi. Isimgħu lilu”. Matul dawn il-ħames snin bħala Isqof, dejjem ikkonfermajt kemm bħala Knisja l-iktar ħaġa importanti hi li aħna ngħinu lin-nies, ngħinu lil xulxin, biex nersqu lejn Ġesù, biex fih insibu l-għaxqa tagħna, u nisimgħu lilu – kif jgħid il-leħen tal-Missier. U l-isbaħ esperjenza ta’ dan fil-Knisja tagħna hija propju ċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa, għaliex fl-Ewkaristija aħna għandna dak li jrid jagħtina Ġesù: li fih insibu l-għaxqa tagħna u lilu nisimgħu biex imexxina f’ħajjitna.
Il-valur tal-quddiesa
Jien nixtieq li llum nenfasizza l-valur kbir tal-Ewkaristija, tal-quddiesa, u kif għalina li nemmnu fi Kristu u li aħna Kattoliċi, din hija bżonn. Ftit tal-ġimgħat ilu, aħna l-Isqfijiet fakkarna mill-ġdid fl-obbligu tal-quddiesa. Imma jieqaf biss fuq l-obbigu min ma jħossx il-bżonn tal-quddiesa. Fil-ħajja tal-Knisja, ibda mill-ewwel Insara, dejjem naraw dan il-bżonn li jgħarfu dawk li jemmnu li nhar ta’ Ħadd – jew is-Sibt filgħaxija – jiċċelebraw l-Ewkaristija.
Nixtieq insemmi l-ġrajja tal-martri ta’Abitene, illum it-Tunisia, fis-sena 303. Dawn id-49 ruħ mietu martri, fost l-oħrajn, minħabba ċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa. Dawn kellhom projbizzjoni mill-Imperatur Dijoklezjanu li jiċċelebraw il-quddiesa. Imma huma kienu jiltaqgħu fid-djar tagħhom għall-quddiesa. Meta ndunaw bihom u arrestawhom, hemm xhieda sabiħa ħafna ta’ wieħed minnhom li jgħid: “Aħna ma nistgħux ngħixu mingħajr il-Ħadd” – jiġifieri mingħajr iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija. Fil-fatt spiċċaw martri proprju minħabba f’hekk.
Insemmi din, biex nenfasizza l-bżonn li kienu jħossu tal-Ewkaristija. Il-quddiesa hi bżonn għalina, għax fiha aħna niltaqgħu ma’ Ġesù, is-Salvatur tagħna. Huwa hu li jimla lil qalbna bl-imħabba tiegħu, hu li bil-kelma tiegħu jagħtina direzzjoni fil-ħajja, hu li jgħinna biex nagħżlu dak li hu essenzjali minn tant affarijiet oħra li jgħaddu.
Għalhekk huwa bżonn għalina. Ngħiduha kif inhi, il-quddiesa f’Jum il-Mulej hi l-minimu li jitlob minna l-Mulej, mhux il-massimu. U, kif nafu fl-esperjenza tal-ħajja, min jipprova jgħaddi b’inqas mill-minimu, ibati u jagħmel ħsara lilu nnifsu.
Ħalluhom jiġu għandi
Nixtieq li nenfasizza kemm hu importanti li aħna noħolqu komunità li tilqa’ lil kulħadd. Insemmi speċjalment it-tfal, li għandhom posthom fil-knisja, anke meta żgħar ħafna. Nixtieq li niftakru llum f’dak li qal Ġesù: “Ħalluhom it-tfal iż-żgħar jiġu għandi, u la żżommuhomx” (Mt 19:14). Dakinhar li qal hekk, qalha lid-dixxipli għax il-ġenituri riedu jressqu t-tfal għand Ġesù, u d-dixxipli bdew jgħajtu magħhom. Illum jgħidha lill-ġenituri, u lill-komunità kollha: ħalluhom it-tfal jiġu jiltaqgħu miegħu, ħalli fih isibu l-għaxqa ta’ ħajjithom, u lilu jkunu jistgħu jisimgħu.
Ġesù qalilna wkoll biex insiru “bħat-tfal iż-żgħar” (Mt 18:3). It-tfal nitgħallmu minnhom meta għadhom żgħar u juruna l-essenzjal tal-ħajja. Tolqotni ħafna b’liema ħeġġa t-tfal jirċievu l-Ewkaristija dak in-nhar tal-Ewwel Tqarbina – u rridu niftakru li l-ewwel hi ta’ valur daqs it-tieni, u daqs l-elf waħda. It-tfal juruna kif għandna nersqu lejn Ġesù, biex hu jkun tassew l-għaxqa tal-ħajja tagħna.
Il-valuri li jibnuna
Aħna nafu li Ġesù dejjem jgħinna nkunu aħjar, u jagħtina l-enerġija li neħtieġu. Illum, ħaġa sabiħa ħafna, hawn ħafna attivitajiet ta’ ġid kbir għat-tfal – ngħidu aħna, fl-isport, fil-mużika, fiż-żfin. Għandna nħeġġu dawn bis-sħiħ, għax huma ta’ ġid kbir għat-tfal mindu għadhom żgħar. Irridu niftakru li meta nqiegħdu lil Ġesù fiċ-ċentru, hu mhux biss ma jnaqqsilna xejn u ma jtellifna f’xejn, anzi jgħinna nkunu għawwiema aħjar, sportivi aħjar, kantanti aħjar, żeffiena aħjar. Dan għax hu jagħtina l-għajnuna li għandna bżonn, u jgħinna biex ninbnew b’dawk il-valuri li l-aktar huma ta’ siwi u ta’ ġid fil-professjoni tagħna, fil-ħidmiet tagħna, f’kull impenn tal-ħajja.
Għalhekk, nixtieq li llum nieqfu fuq dal-kliem: “Dan hu Ibni l-għażiż li fih sibt il-għaxqa tiegħi: isimgħu lilu”. Nitolbu lill-Mulej biex aħna nkomplu b’ħeġġa niltaqgħu miegħu fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, inkunu fejn inkunu fid-dinja – niftakru li din mhix xi ħaġa ta’ Malta biss, imma tkun fejn tkun hi l-istess quddiesa li tkun iċċelebrata, l-istess preżenza ħajja ta’ Ġesù. Nitolbu għalina lkoll ħalli dejjem nilqgħu l-istedina tal-Mulej biex fl-Ewkaristija niltaqgħu ma’ Ġesù u fih insibu l-għaxqa tagħna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta
Photo: Pixabay