L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Bis-saħħa ta’ Alla” (Lq 11:20). Dan huwa l-kliem li juża Ġesù biex jiddeskrivi dak li kien qed jagħmel. Ftit qabel, kien ħeles lil bniedem minn xitan. U jgħid dan proprju minħabba li wħud min-nies, meta hu għamel dan il-miraklu, flok stagħġbu bil-miraklu jew irringrazzjaw lil Alla, jew ferħu li bniedem li kien maħkum mix-xitan issa nħeles, qalu fuq Ġesù li dak li kien qed jagħmel qed jagħmlu bis-saħħa tax-xitan, anzi “bis-saħħa ta’ Begħelżebul il-prinċep tax-xjaten” (Lq 11:15). Mhux biss ma għarfux jirringrazzjaw lil Alla, imma daru kontra Ġesù u riedu jgħidu li dak li qed jagħmel kien bis-saħħa tax-xitan. Għalhekk Ġesù jispjegalhom hawnhekk kif dak li qed jagħmel hu “bis-saħħa ta’ Alla”.

Ħa nħarsu ftit lejn Ġesù u lejn dawn in-nies. Lil Ġesù dejjem insibuh jagħmel il-ġid, u lill-bniedem li b’xi mod jew ieħor ikun f’diffikultà, jgħinu; u lill-bniedem li jkun maħkum mix-xitan, minn spirtu ħażin, jeħilsu – kif kien għadu kif għamel, fil-fatt. Il-ġrajja ta’ qabel din hija ta’ meta Ġesù keċċa xitan u għalhekk ħeles lill-bniedem. Dejjem insibuh jagħmel il-ġid, u din hija l-opra ta’ Alla. Għalhekk hu jgħid: “bis-saħħa ta’ Alla”, u jgħid: “dan ifisser li waslitilkom is-Saltna ta’ Alla” (Lq 11:20). Għax Alla dejjem jagħmel il-ġid. U nsibu f’Ġesù proprju din l-imħabba kbira lejn kull persuna, hi min hi, speċjalment dawk li qegħdin f’diffikultà u jeħtieġu l-għajnuna.

Ħa nħarsu ftit lejn dawn in-nies. Li jolqtok f’dawn in-nies huwa l-għamad li kellhom quddiem għajnejhom, frott tal-preġudizzju. Għaliex li bniedem jagħmel il-ġid u ma tagħtix każu, forsi tgħid “ħallih jagħmel il-ġid!” Imma dawn għamlu l-kontra, qalbu kollox rasu ’l isfel, u riedu jgħidu li Ġesù hu mġiegħel, jew maħkum, jew b’xi mod jew ieħor dak li qed jagħmel hu mix-xitan. Ma setgħux jgħidu xi ħaġa agħar! Ġesù, fil-ħajja tiegħu, irċieva diversi tgħajjir min-nies, imma li tgħid xi ħaġa hekk, proprju qed tgħid il-kontra. Il-ħidma ta’ Ġesù hi biex jeħles lill-bniedem mill-ħażen, u tgħidlu li hu maħkum mill-ħażen? Imbagħad l-Evanġelju jgħid li kien hemm oħrajn li “riedu mingħandu sinjal mis-sema” (Lq 11:16), qisu li teħles lill-bniedem mix-xitan mhux diġà sinjal qawwi mis-sema.

Kellhom għamad. Il-preġudizzju hekk jagħmel. Iġagħlek it-tajjeb issejjaħlu ħażin, għax min jagħmlu b’xi mod jew ieħor ma għandekx grazzja miegħu. Din kienet tiġri fi żmien Ġesù, u għadha tiġri wkoll illum – li meta tisma’ xi ħaġa tajba imma ma għandekx grazzja mal-persuna, tibda tgħid kontrieha flok taċċetta t-tajjeb. 

Kif iwieġeb Ġesù għal dan kollu? Ġesù jgħidilhom: qed tgħidu xi ħaġa redikola. Kif jista’ jkun li x-xitan jaħdem biex jeħles mix-xitan? Qed jgħid: intom qed tgħidu xi ħaġa assurda. Imma mbagħad Ġesù jgħid xi ħaġa verament importanti fl-Evanġelju llum: “Min mhuwiex miegħi huwa kontra tiegħi” (Lq 11:23). U qed jgħidu f’dan il-kuntest, jiġifieri qed jgħid: inti trid tagħmel għażla. Quddiem dak li jiġri, ma tistax tibqa’ indifferenti, u tgħid: u iva, ħallih dan il-bniedem jagħmel il-ħażin, b’daqshekk x’fiha? Trid tagħmel għażla bħala dixxiplu tiegħu. U din hi li jgħid lilna llum ukoll: irridu nagħmlu għażla. U l-għażla tfisser li t-tajjeb insejħulu tajjeb, u li l-ħażin insejħulu ħażin. U mhux nagħlqu għajnejna fejn irridu u fejn jogħġobna, biex nibdlu l-affarijiet. Dan ifisser meta Ġesù jgħid “min mhuwiex miegħi huwa kontra tiegħi”, għax aħna ma nistgħux nibqgħu sempliċiment indifferenti. 

Għalhekk is-sejħa li jagħmlilna hi proprju din: li aħna nagħrfu nimxu warajh, u jkollna l-istess mod tiegħu kif inħarsu lejn il-ħajja, b’mod li niżnu tassew dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin. U noqogħdu attenti mill-preġudizzji, bħalma kellhom dawn in-nies fi żmien Ġesù. Għax il-preġudizzji jagħmlu biss għamad quddiem għajnejna u ma jħalluniex naraw ċar. Mentri, jekk aħna ma nħallux il-preġudizzji jirkbuna, inkunu tassew nistgħu nagħmlu din l-għażla li jitlob minna Ġesù. Ejjew nitolbuh biex hu jkun dejjem dak li jeħlisna mill-ħażen fina nfusna, u l-ħażen li niltaqgħu miegħu; jgħinna biex ikollna dejjem mod ċar kif inħarsu lejn il-ħajja, kif iridna hu, b’mod li t-tajjeb ngħidulu tajjeb, u l-ħażin ngħidulu ħażin.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta