L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Illum ippermettuli li f’din l-omelija ħin minnhom imbagħad nindirrizza wkoll diretttament lil dawn l-aħwa tagħna li se jirċievu l-magħmudija fl-Għid il-Kbir u li llum se jiktbu isimhom fil-ktieb ta’ dawk li qed jitħejjew għall-magħmudija. Peress li jifhmu bl-Ingliz ħin minnhom se nagħmel biċċa minn din l-omelija anke bl-Ingliż.

Imma l-ewwel nixtieq naqsam magħkom ħsieb propju li jispirani ftit mill-Evanġelju li għadna kemm smajna. Hi tradizzjoni antika ħafna li fl-Ewwel Ħadd tar-Randan aħna l-Insara nisimgħu xi Evanġelju – għax hemm tliet verżjonijiet – xi Evanġelju dwar it-tiġrib li għadda minnu Ġesù: it-tentatazzjonijiet ta’ Ġesù.

Aħna qegħdin fi knisja ddedikata lil Santu Wistin u bħal-lum naqraw kummentarju sabiħ ħafna ta’ dan il-qaddis li għadda wkoll mid-deċiżjoni tiegħu li jsir Nisrani u li tgħammed bħala adult. Aħna u nilqgħu lil dawn l-adulti li se jirċievu l-magħmudija fl-Għid il-Kbir, nitolbu anke fuqhom l-interċessjoni ta’ Santu Wistin, li talbet ħafna għalih il-mamà tiegħu Monika u anke bi frott tat-talb ta’ ommu ddeċieda meta kiber li jsir Nisrani, li jieħu l-magħmudija u għammdu San Ambroġ, qaddis kbir ieħor.

Illum Santu Wistin jgħallimna li meta nħarsu lejn it-tentazzjonijiet ta’ Ġesù nirrealizzaw li dan hu kliem li jagħmlilna kuraġġ għax bħalma l-Mulej jieħu fuqu t-tentazzjonijiet tagħna, ta’ kull wieħed u waħda minna, hekk ukoll aħna permezzz tiegħu nieħdu r-rebħa fuq l-għadu tagħna.

Hemm espressjoni li nħossha attwali ħafna għalina l-Maltin. Hi l-ewwel tentazzjoni li biha x-Xitan iġarrab lil Ġesù. Wara 40 jum ta’ sawm il-Mulej ħadu l-ġuħ u t-tentatur jgħidlu: “Jekk inti bin Alla ordna lil dan il-ġebel isir ħobż” (Mt 4:3). Aħna nimmaġinaw dan id-deżert li m’għandu l-ebda element ta’ għajxien fih imma għandu ħafna ġebel u blat u t-tentatur jgħidlu: “Inti l-Iben ta’ Alla” anzi “Jekk inti l-iben ta’ Alla, urini, biddel dan il-ġebel f’ħobż”.

Aħna l-Maltin nisimgħuha ħafna drabi din it-tentazzjoni għax il-ġebel qed nagħmluh il-ħobżna ta’ kuljum. U r-risposta ta’ Ġesù tgħodd għalina wkoll, l-aħwa: “Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla” (Mt 4:4).

Min hu l-Alla tagħna? Fondamentalment il-mistoqsija li nagħmlu fil-bidu tar-Randan imqaddes: Liema hu Alla tiegħek? Il-ġid li jiġi mill-ġebla? Il-kapaċità tiegħek li l-ġebla tagħmilha sold u tnejn u tlieta, u mhux ħobża waħda tixtri, trakkijiet sħaħ! Imma lil Alla nsejtu? Għax mhux bil-ħobż biss li jġiblek il-ġebel tgħix imma “b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla”.

It-tentatur jerġa’ jsemmilu l-ġebel lil Ġesù, donnu t-tentazzjonijiet marbuta ftit mat-tentazzjonijiet attwali tagħna, ma’ din l-industrija li aħna ngħidu: ma nistgħux inwaqqfuha għax tagħti ħobż lil ħafna nies. U jgħidlu: “Inxteħet għal isfel; hemm miktub li l-anġli jordnalhom jieħdu ħsiebek ħalli ma taħbatx riġlek ma’ xi ġebla” (Mt 4:6). Hawnhekk il-ġebel isir dak kollu li jfixklek, dak kollu li forsi jsir avversarju tal-ħolm tiegħek, tas-sikurezza tiegħek.

U r-risposta ta’ Ġesù tfakkarna li Alla tagħna mhux tal-maġija. Hemm xi setet, anke fostna, li f’isem Alla jgħidu: jekk inti tkun marid itlob lil Ġesù, m’hemmx għalfejn tmur għand it-tabib. Anzi min imur għand it-tabib qed jonqos mill-fidi fil-qawwa ta’ Ġesù. Hemmhekk meta nibdew inġarrbu lill-Mulej Alla tagħna, li jkollna idea ta’ Alla li hu tal-maġija, li tagħfas buttuna u jaqdik, li tixgħellu xemgħa u tgħaddi mill-eżami, li tagħmel wegħda u tfiq.

Hu tajjeb li nafdaw fil-Mulej imma l-Mulej ukoll jistedinna biex nagħmlu dak kollu li nistgħu nagħmlu għall-ġid tagħna tassew. Nitolbuh l-Mulej biex isaffina minn din l-idea ta’ Alla li tista’ tixtrih. Tant għandna l-mentalità li kollox għandu u kulħadd għandu l-prezz tiegħu, li aħna – u din hi xi ħaġa antika ħafna – naħsbu li nistgħu nixtru lil Alla wkoll.

It-tielet tentazzjoni nimmaġina wkoll hu l-mod kif it-tentatur jimpressjona lil Ġesù billi jurih is-saltniet kollha tad-dinja, il-glorja tagħhom. Min jaf x’bini wrieh! Bini imponenti. U jitolbu xi ħaġa: “Dawn kollha nagħtihom lilek jekk tinxteħet tadurani” (Mt 4:9), tagħmilni Alla tiegħek. Kemm inkunu boloh, jekk aħna ħlejqa ta’ din id-dinja, hix anġlu jew tad-demm u l-laħam, nagħmluha Alla tagħna, ikun min ikun!

Hawn nies jaħsbu li huma allat, ħadd ma jista’ għalihom u jippretendu li aħna ninżlu għarkupptejna quddiemhom. Il-kelma ta’ Ġesù hi kelma ta’ liberta. L-ewwel nett lill-ġuħ tagħna  tittrasformah f’ġuħ għal dak li hu sewwa. Hi kelma ta’ libertà li tneżżagħna minn kull frugħa meta naħsbu f’Alla, anzi teħlisna mill-idea ta’ Alla pupazz tagħna, li Alla jista’ jinxtara. Hi kelma ta’ libertà wkoll meta teħlisna mill-idolatriji kollha tagħna.

Ejjew nirrispettaw lil xulxin. Inqimu x-xbiha ta’ Alla li hemm f’kull wieħed u waħda minna. Imma li nadura lil xi ħadd u ninżel għarkupptejja quddiemu, ikun min ikun, ma jkun qatt, għax dik il-libertà li tani l-Mulej bid-demm għażiż tiegħu jeħodhieli xi ħadd jekk nagħtiha jien minn jeddi, il-bqija ma jeħodhieli ħadd.

My dear brothers and sisters, as you give your name to be part of those preparing for the extraordinary gift of becoming part of the family of Jesus, I encourage you to listen to the Word of God today and join us in seeking the true freedom that Jesus gives us, the freedom for the hunger for power and corruption, the freedom from a false idea of God who is a God of magic, the freedom from idolatry. May the Lord guide you through these 40 days of preparation for your baptism and give you the warm extraordinary feeling of his grace and his mercy. 

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġen 2:7-9; 3:1-7
Salm: 50 (51):3-4,5-6a,12-13,14 u 17
Qari II: Rum 5:12-19
L-Evanġelju: Mt 4:1-11