L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Għażiż Arċipriet, aħna u nisimgħu l-Kelma ta’ Alla llum, nixtieq nafdalek dawn iż-żewġ kelmiet, li jsiru wkoll talba fuqek, għalik, u għall-parroċċa għażiża ta’ Ħaż-Żabbar. Xmun is-sajjied, Xmun bi Ġona, irrisponda għall-mistoqsija li għamel Ġesù lil sħabu. “Intom min tgħidu li jien?” (Mt 16:15). L-ewwel isaqsihom x’jgħid il-poplu: Min jgħidu li jien? U jsemmi diversi profeti. Imma Ġesù jinteressah dak li hemm fil-qalb ta’ kull wieħed u kull waħda minna: Imma inti, inti, min tgħid li jien? L-ewwel mistoqsija, allura, hija dik li jagħmlilna Ġesù: Jien min jien għalik? Nawguralek, għażiż Arċipriet, li Ġesù jkun dak li jimla l-ħajja tiegħek, li jfarrġek, li jgħinek, li jiggwidak. Żomm il-ħarsa tiegħek dejjem fuq Ġesù, l-Iben ħelu ta’ Marija, l-għajn ta’ kull grazzja.

It-tieni ħsieb huwa dak li Pietru, Xmun, jgħid lil Ġesù bħala risposta. X’inhi r-risposta li jagħti Xmun bin Ġona lil Ġesù ta’ Nazaret, il-mastrudaxxa. “Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj!” (Mt 16:16). Il-Messija tfisser ukoll ‘Kristu’ jew ‘il-Midluk’. Inti Ġesù Kristu; Inti l-magħżul tal-Mulej; Inti l-imsejjaħ u l-mibgħut, dak li qegħdin nistennew; Inti l-Iben ta’ Alla ħaj. It-talba tiegħi fuqek hi li inti tkun messaġġier ta’ dan Alla, li “mhuwiex Alla tal-mejtin, imma Alla tal-ħajjin” (Mk 12:27), huwa Alla ħaj; li tkun ir-ragħaj f’isem Kristu, l-Iben ta’ Alla l-ħaj. Ir-risposta ta’ Ġesù lil Xmun bin Ġona, donnu qiegħed jgħidlu, inti imnebbaħ mill-Missier u mhux mid-demm u l-laħam. Imnebbaħ mill-Missier, għaraftni bħala l-Messija l-Iben ta’ Alla l-ħaj. Jien nagħraf fik missjoni speċjali. Inti blata, inti Pietru. Għax l-istqarrija tiegħek mhix ġejja minnek, imma hija ispirata minn Alla. U fuq din il-blata tal-fidi li għadek kif stqarrejt, “jiena nibni l-Knisja tiegħi” (Mt 16:18). 

It-talba tiegħi fuqek, Fr Roderick, hi li inti u tibni l-komunità, tibniha fuq il-blata tal-fidi f’Ġesù: li Ġesù jkun iċ-ċentru ta’ kulma taħseb, ta’ kulma toħlom, ta’ kulma tagħmel, ta’ kulma tgħid. Għax dik hija l-blata li fuqha Kristu jrid jibni l-Knisja tiegħu. 

Pedamenti oħra li nagħmlu aħna, u li nivvintaw minn żniedna, ma jreġux fiż-żmien. Jekk nibnu ma’ Ġesù, dak li nibnu għandu futur. Il-Mulej qalilna: “Mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn” (Ġw 15:5). Il-Mulej jafda lil Pietru, u permezz tiegħu lill-Knisja tiegħu, l-imfietaħ. F’kull pussess, l-Isqof jaqbad par imfietaħ u jnewwilhom lill-Kappillan jew lill-Arċipriet il-ġdid, bħalma għamilna llum. Tajtek l-imfietaħ; mhumiex tas-Saltna tas-Smewwiet eżatt, imbagħad dak naraw il-Mulej xi jrid. Imma l-imfietaħ huma mhux biss sinjal tal-missjoni  tiegħek li tkun ragħaj ta’ din il-parroċċa għażiża, u teżerċitha, allura, is-setgħa f’isem Ġesù; imma hija wkoll is-sejħa li tingħaqad u tħaddem il-qawwa li hemm fil-Knisja: li tħoll u torbot. Pietru u s-suċċessuri tiegħu – il-Papa Franġisku hu s-suċċessur ta’ San Pietru –  għandu l-milja tas-setgħa tal-imfietaħ. Imma s-setgħa tal-imfietaħ mhix tal-Papa; hija tal-Knisja. Il-Papa jħaddimha f’isem il-Knisja, f’isem kull wieħed u kull waħda minna. Aħna s-saċerdoti nipparteċipaw minn dik il-qawwa tal-imfietaħ, mis-Sagrament tal-Qrar u mid-Dilka tal-Morda; bil-kelma tagħna, aħna nħollu u norbtu. Inħollu dak kollu li hu rbit tad-dnub, tal-ħażen, tal-mibegħda, tal-għira u tar-rabja, imma norbtu wkoll fir-rabta tal-imħabba, fir-rabta tal-paċi, fir-rabta tal-ġid. Il-muftieħ jiftaħ u jagħlaq. 

Għażiż Arċipriet, użah biex tiftaħ dejjem l-għejun tal-grazzji. Inti u titlob bl-interċessjoni ta’ Marija taħt it-titlu sabiħ tal-Madonna tal-Grazzja, itlobha li f’idejk, il-muftieħ tas-setgħa pastorali jservi biex tiftaħ għal kull wieħed u kull waħda minna l-għejun tal-ħniena, l-għejun tal-grazzja, l-għejun tal-paċi, tal-mogħdrija, tal-għaqda, u tal-imħabba. Sakkar biex tipproteġina minn dak kollu li ġej mill-ħażin; orbtu, aqflu. Għax is-setgħa tal-imfietaħ tiftaħ l-għejun tal-grazzja u ssakkar barra lill-għadu ta’ ruħna, lill-għadu tal-komunità. Din is-setgħa hija fdata f’idejk, għax inti qed tipparteċipa minn dak li tiegħu għandu l-milja Pietru, u s-suċċessuri tal-Appostli, u l-Isqof. Inti kooperatur tiegħi, aħna u naqdu lill-poplu għażiż tagħna. 

Jalla kull min jiltaqa’ miegħek isib fik ir-ragħaj li tħobb ħafna lil Ġesù, u li twassal il-ħarsa tiegħu, il-viċinanza tiegħu, it-tenerezza tiegħu, il-kompassjoni tiegħu. Agħmel li dan ikun l-istil tal-ministeru tiegħek. Inti u tħares lejn Ommna Marija, ftakar dejjem fil-kelma tagħha: “Hawn jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!” (Lq 1:38). Nawguralek għażiż ħija, u Ad multos annos.  

✠ Charles Jude Scicluna
    Archbishop of Malta


Qari tal-Quddiesa

Qari I: Is 22:19-23
Salm: 137 (138):1-2a,2bc-3,6,8bc
Qari II: Rum 11:33-36
L-Evanġelju: Mt 16:13-20

More Photos