-
-
L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
-
Il-Bażilika Minuri, il-Mosta
5 ta’ Ottubru 2018 -
Jekk hawn bniedem li jagħmel ħafna kuraġġ lil kull min hu anzjan, dan hu l-Papa Franġisku li ftit ieħor jagħlaq 82 sena: bniedem ta’ dik l-età li qed jaħdem b’ruħu u b’ġismu u b’enerġija kbira fil-missjoni tiegħu ta’ papa biex iġedded il-Knisja u jgħinha timxi b’kuraġġ.
Kultant tgħid: Kif jirnexxielu? Kif ma jaqtax qalbu? Meta mbagħad tisma’ li mhux kollox ward u żahar, u tara l-problemi li jħabbat wiċċu magħhom kuljum, il-kritika li xi kultant hi inġusta u tweġġa’, tistaqsi: kif jirnexxielu?
Naħseb li l-Evanġelju li għadna kif smajna jwieġeb dawn id-domandi li jistgħu jiġu f’moħħna. Ġesù jfaħħar lill-Missier għax għażel iċ-ċkejknin. Imbagħad jagħmel stedina: ejjew għandi… tgħallmu minni.
Hawn qiegħda l-qawwa u l-enerġija tal-Papa: mhux fih innifsu, imma fir-relazzjoni tiegħu ma’ Ġesù Kristu li lilu qed jaqdi. Dan hu messaġġ għalina, għax aħna wkoll hawn qiegħda l-qawwa u l-għajnuna kollha li neħtieġu.
Nixtieq nieqfu fuq dan il-kliem li jgħid Ġesù: (1) Infaħħrek missier (2) Ejjew għandi u (3) Tgħallmu minni.
Infaħħrek MissierĠesù jfaħħar lil Missieru. Kien jagħmel spiss talb ta’ tifħir u gratitudni lejn Alla. Ħajtu hekk għexha, b’dan l-ispirtu.
Kemm hu sabiħ meta aħna wkoll ikollna fil-fomm tagħna kliem ta’ tifħir u ringrazzjament lil Alla, kif smajna wkoll fis-salm. Nirrepetu ta’ spiss ‘Ikun imbierek Alla’. U nagħrfu l-ġid kollu li jagħmel magħna kontinwament. Ħajjitna tkun isbaħ meta ngħixuha ta’ nies grati u fi kliemna t-tifħir lil Alla.
Ejjew għandi‘Ejjew għandi’. Din hi l-istedina li Ġesù għamel lin-nies. Kien għamilha lill-ewwel dixxipli meta staqsewh fejn kien joqgħod. Qalilhom: ejjew u taraw. U diversi nies laqgħu din l-istedina, u marru għandu. U dawk li marru għandu sabu fih il-paċi tal-qalb, il-ferħ li jagħti kulur lill-ħajja, il-fejqan, speċjalment fejqan minn ġewwa, li l-bniedem ikun jeħtieġ.
Din hi l-istedina li jagħmel lilna llum ukoll: Ejjew għandi. Hekk ġejna llum minn tant postijiet f’Malta, ġejna għandu fil-knisja tiegħu. Imma hekk ukoll għadna nagħmlu ta’ spiss. Miegħu nafu li aħna fiż-żgur. Immorru għandu mhux għax aħna perfetti, anzi aħna midinbin; imma meta mmorru għandu nafu li hu jaħfrilna ħtijietna u jimliena bl-imħabba tiegħu.
Immorru għandu għax kemm-il darba aħna mtaqqlin u mħabbtin, u nħossuna bla forzi, u dipendenti fuq ħaddieħor, u nafu li fih insibu l-veru serħ tagħna. Għalhekk hu qal: Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin.
Nitolbu lill-Mulej li dejjem immorru għandu, inħalluh iħaddanna miegħu u jmexxina sa dakinhar li jsejħilna u jgħidilna ‘ejjew għandi’ biex nissieħbu miegħu fis-sema.
Tgħallmu minni‘Tgħallmu minni’. Ġesù ma jgħidx biss ‘ejjew għandi’ imma wkoll ‘tgħallmu minni’. Jiġifieri jridna meta mmorru għandu, inħalluh jgħallimna bl-eżempju u bil-kelma tiegħu.
Hemm ħafna x’irid jgħallimna. Imma hawnhekk f’dan l-Evanġelju hu jgħid: ‘Tgħallmu minni għax jien ta’ qalb ħelwa u umli’. Irid li aħna lkoll ikollna din il-qalb bħal tiegħu. Mhux qalb iebsa, jew qalb ħadra, lanqas qalb sewda, imma qalb ħelwa u umli.
Hekk kien Ġesù ma’ kull min kien jiltaqa’. Hekk jitlob minna Ġesù: qalb ħelwa u umli fil-mod kif aħna nittrattaw lil xulxin. Meta aħna jkollna qalb ħelwa u umli, negħlbu l-arroganza, il-kwistjonijiet vojta, l-antipatiji u nfittxu li nxerrdu l-għożża.
Talba
Nitolbu lill-Mulej biex aħna wkoll f’ħajjitna dejjem infaħħru u nirringrazzjaw lil Alla; immorru għand Ġesù b’mod speċjali meta aħna mtaqqlin u mħabbtin; u nixbhu lil Ġesù speċjalment fil-ħlewwa u fl-umiltà.✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju -
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ġob 38:1.12-21; 40, 3-5
Salm: 138 (139)
Evanġelju: Mt 11:25-30 -
-
-
-
Ritratti: knisja.mt/ritratti