L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Mnejn ġieb dan l-għerf u din il-qawwa tal-għaġeb?” (Mt 13:54) Dan huwa l-kliem li qalu n-nies fis-sinagoga, meta Ġesù kien hemmhekk; daħal fis-sinagoga u beda jgħallem. Ir-reazzjoni tagħhom kienet reazzjoni ta’ stagħġib – Mnejn ġieb dan l-għerf u din il-qawwa tal-għaġeb? Qed jitkellmu fuq il-kelma tiegħu, li kienet kelma tal-għerf; u fuq dak li kien jagħmel, is-sinjali u l-mirakli li kienu juru qawwa tal-għaġeb. Għalhekk, il-mistoqsija tagħhom kienet: “Mnejn ġieh dan kollu?” (Mt 13:56)
Hija mistoqsija tajba, għaliex proprju dak li kellhom jaraw. Dal-bniedem kellu xi ħaġa speċjali. Mnejn ġie dan? Mnejn ġiet din il-qawwa li għandu u dil-kelma tiegħu? Imma l-Evanġelju jgħid li r-reazzjoni tagħhom kienet li tfixklu: “U tfixklu minħabba fih” (Mt 13:57). Issa meta nisimgħu l-kelma “tfixklu”, mal-ewwel tolqotna li dawn mhux tfixklu għax Ġesù qal xi kelma mhux flokha, xi kelma ħażina. Ma tfixklux għax Ġesù b’xi mod qal kelma li weġġa’ lil xi ħadd, jew insulta. U ma tfixklux minħabba li Ġesù kien jgħid mod u jagħmel mod ieħor. Kieku tifhem li wieħed jitfixkel, bħalma kultant tiġri lilna – titfixkel għax tara xi ħaġa ħażina, xi ħaġa li mal-ewwel tgħidlek: isma’, din mhix flokha!
Imma dawn tfixklu fil-ġid. Dawn raw it-tajjeb, raw lil Ġesù jgħallem, semgħu x’kien qed jgħid, setgħu japprezzaw kemm kien tajjeb dak li kien qed jagħmel – u tfixklu. U r-raġuni li tfixklu hija li dawn ma setgħux jaċċettaw kif bniedem ta’ ħajja sempliċi – bdew jgħidu: “Dan mhuwiex bin il-mastrudaxxa…u ħutu l-bniet mhux kollha magħna?” (Mt 13:55-56) – dan kif inhu daqshekk speċjali? Ma setgħux jaċċettaw il-mod kif Alla jaħdem. Jiġifieri proprju fil-ħajja normali, fil-ħajja sempliċi, permezz ta’ bniedem li deher għal kollox normali, b’ħajja ordinarja, imma kien tassew bniedem speċjali. Kien bin Alla.
Għalhekk Ġesù jgħid: “Ebda profeta ma hu bla ġieh jekk mhux f’pajjiżu u f’daru stess” (Mt 13:57). Dawn kienu nies tal-pajjiż tiegħu stess li ma aċċettawhx. Hawn għandna messaġġ importanti għall-ħajja tagħna. Aħna wkoll jista’ jiġrilna li meta naqraw il-kelma ta’ Ġesù, inqisuh xi ħadd li qed jgħid kliem ta’ għerf, jew qed jagħmel affarijiet ta’ qawwa, imma ma naċċettawhx tassew kif inhu – Ġesù li hu ħaj, u mhux sempliċiment xi ħadd li għex snin ilu u għamel il-ġid. Ġesù hu s-Salvatur tagħna – hu li hu l-Mulej. Għalhekk il-messaġġ importanti għalina hu biex aħna jkollna din il-fidi. Fl-Evanġelju jgħid: “Ma setax jagħmel ħafna mirakli minħabba fin-nuqqas ta’ fidi tagħhom” (Mt 13:58). Ikollna l-fidi f’Ġesù li hu ħaj, li hu l-Mulej tagħna, li jagħmel id-differenza kollha f’ħajjitna. Meta naċċettawh tassew bħala l-Mulej, nistgħu napprezzaw il-kelma tiegħu ta’ għerf li tiggwidana fil-ħajja tagħna, il-qawwa tiegħu tal-għaġeb li tinfluwenza għall-ġid, tbiddel, tittrasforma għall-ġid il-ħajja tagħna.
Naturalment, marbut ma’ dan, hemm ukoll messaġġ importanti kif aħna għandna nittrattaw lil xulxin. Jista’ jiġrilna li aħna kultant tant ikollna preġudizzji fuq dak u fuq l-ieħor u fuq l-oħra, li ma napprezzawx it-tajjeb u l-ġid. Bħalma ġralhom hawn – li tfixklu fil-ġid. Ma napprezzawx it-tajjeb ta’ ħaddieħor u l-ġid li jagħmel ħaddieħor minħabba l-preġudizzji li jkollna. Għalhekk dan jgħodd ukoll għar-relazzjonijiet bejnietna – kemm hu importanti li aħna nitolbu lill-Mulej jagħtina d-dawl u l-għajnuna tiegħu, ħalli nidraw napprezzaw it-tajjeb tal-oħrajn. U kulfejn naraw dak li hu ta’ ġid, napprezzawh, insostnuh u nsaħħuh.
Nitolbu lill-Mulej illum jagħtina l-grazzja li aħna miegħu jkollna dejjem din il-qalb miftuħa, din il-fidi sħiħa fih li hu l-Mulej ta’ ħajjitna, u jgħinna wkoll napprezzaw kulfejn naraw il-ġid, kulfejn naraw dak li hu tajjeb.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta