L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Huma baqgħu mistgħaġba” (Mt 13:54). Dan hu li naqraw illum fl-Evanġelju skont San Mattew fuq ir-reazzjoni tan-nies fis-sinagoga meta Ġesù daħal hemmhekk u beda jgħallem. Kienet is-sinagoga ta’ pajjiżu, u għalhekk meta Ġesù mar hemmhekk, in-nies kienu jafu min hu u baqgħu mistagħġba – mistagħġba b’dak li kien qed jgħid u dak li kien qed jagħmel.
Baqgħu mistgħaġba għax huma, meta rawh, indunaw min hu u min hi l-familja tiegħu – u l-qrabu, u li missieru kien mastrudaxxa. Għalhekk bdew jgħidu: aħna nafuh lil dan u nafu lill-familja tiegħu – min fejn ġie dan l-għerf kollu, b’li kien qed jgħallem, u min fejn ġiet il-qawwa b’dak li kien qed jagħmel? Imma l-Evanġelju jgħid mhux biss li baqgħu mistagħġba. Kieku baqgħu mistagħġba biss u qagħdu jistaqsu biex ikunu jafu iżjed, tifhimha. Imma l-Evanġelju jgħid: “tfixklu minħabba fih” (Mt 13:57).
Din hija kelma kerha li tgħid li tfixklu minħabba Ġesù. U għaliex tfixklu dan-nies? Tfixklu għax qal xi kelma mhix flokha? Tfixklu għax beda jħawwad, jew qal xi ħaġa li jafu li mhix vera? Ma kienx il-każ! Tfixklu għax b’li qal weġġagħhom jew insulentahom? Lanqas, ma kienx il-każ! Tfixklu proprjament mhux “minħabba fih” imma minħabba fihom, minħabba l-preġudizzji tagħhom. Għax dawn irraġunaw: ladarba dan jiġi min dik il-familja, ma jistax ikun li dan ikollu l-għerf u l-qawwa li għandu. Għalhekk tfixklu minħabba l-preġudizzji tagħhom.
Tant hu hekk li l-Evanġelju jgħid li hemmhekk Ġesù “ma setax jagħmel ħafna mirakli minħabba n-nuqqas ta’ fidi tagħhom” (Mt 13:58). Ara kemm din hi xi ħaġa ta’ swied il-qalb! Tfakkrek fil-Prologu tal-Evanġelju skont San Ġwann li jgħid: “Ġie f’daru u niesu ma laqgħuhx” (Ġw 1:11). U dawn ukoll hekk ġralhom. Dawn, minħabba l-preġudizzji tagħhom, għax dehrilhom li Ġesù ma setax ikollu dan l-għerf, ma emmnux fih. Ma qalux: dan ma jistax ikun bniedem speċjali, anke jekk ġej minn din il-familja? Ma qalux hekk. L-Evanġelju jgħid li hemmhekk ma għamilx ħafna mirakli “minħabba n-nuqqas ta’ fidi tagħhom”. Min bata? Huma stess. Minħabba li ma aċċettawhx u ma laqgħuhx, huma li marru minn taħt.
Dan hu messaġġ importanti ħafna għalina. L-Evanġelju llum iħeġġiġna biex aħna f’qalbna nilqgħu lil Ġesù. Nilqgħu t-tagħlim tiegħu, għax hu tagħlim mimli għerf li jista’ jmexxina fil-ħajja tagħna, u nilqgħuh anke fir-relazzjoni tagħna miegħu, għaliex huwa hu li jista’ tassew jimla ’l qalbna. Jekk aħna ma nilqgħuhx, kif jurina l-Evanġelju stess illum, aħna li nbatu, aħna li mmorru minn taħt. U hemm messaġġ ieħor importanti wkoll. L-Evanġelju qed jgħidilna: għandna neżaminaw lilna nfusna, il-preġudizzji tagħna, anke kif nittrattaw lill-oħrajn. Xi kultant jiġrilna bħalma għamlu dawn: lin-nies inqegħduhom f’garzella – dak hemm u dik hemm – u kultant, minħabba l-preġudizzji tagħna, ma nilqgħuhomx f’qalbna lin-nies. Għalhekk l-Evanġelju jħeġġiġna biex aħna ma nħallux il-preġudizzji tagħna jagħmlulna l-ostaklu. Lin-nies għandna naċċettawhom bħala xbieha ta’ Alla, bħala persuni bid-doni u t-talenti, u nitgħallmu napprezzaw it-tajjeb fejn ikun hemm it-tajjeb, u napprezzaw min jagħmel il-ġid fejn ikun hemm min jagħmel il-ġid.
Nitolbu lill-Mulej biex nilqgħu lilu f’qalbna, għaliex hu jagħtina dejjem dak li hu l-aqwa u l-aħjar. U nitolbu wkoll biex ma jkollniex il-preġudizzji meta nħarsu lejn xulxin, fir-relazzjoni tagħna mal-oħrajn, imma nilqgħu lill-oħrajn u napprezzaw dejjem dak li hu tajjeb, dak li hu sabiħ, dak li hu ta’ ġid.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta