Waqt il-programm The Handbook fuq RTK103, Fr Charles Tabone qal li meta nindunaw li aħna xi ftit differenti min-nies ta’ madwarna, għandna nilqgħu l-isfida li nkunu ta’ eżempju tajjeb għalihom.

Il-mistednin ta’ The Handbook ta’ din il-ġimgħa huma Fr Charles Tabone u Miriana Fenech Caruana. The Handbook jixxandar kuljum fuq RTK103 fil-05.30, fis-12:40, fis-19.20 u fid-21.30, kif ukoll fuq Facebook permezz tal-paġna The Handbook.

Silta mill-qari tal-lum
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa – Lq 12:49-53
Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Nar ġejt inqiegħed fuq l-art, u kemm nixtieq li diġà qabad! Iżda hemm magħmudija li biha għandi nitgħammed, u x’diqa għandi sa ma dan iseħħ! Taħsbu intom li jien ġejt inġib il-paċi fid-dinja? Le, ngħidilkom, imma l-firda; għax mil-lum ’il quddiem ħamsa min-nies f’dar waħda jkunu mifruda bejniethom, tlieta kontra tnejn u tnejn kontra tlieta; jinfirdu l-missier kontra l-iben u l-iben kontra l-missier, l-omm kontra l-bint u l-bint kontra l-omm, omm ir-raġel kontra mart binha u mart l-iben kontra omm żewġha”.

Source: Newsbook.com.mt

Article written by George Cassar