8 ta’ Settembru 1980.

Il-jum li fih sar l-aktar persuna ferħana fid-dinja.

Il-jum li fih sar Salesjan.

Il-jum li fih qabdet xrara li għadha taqbad sa issa u li jixtieq li tintemm biss wara mewtu.

Newsbook Malta poġġa għall-intervista ma’ Fr Fabio Attard fid-Dar Ġenerali tagħhom f’Ruma biex jitkellem miegħu dwar x’fissret għalih il-ħatra ta’ Rettur Maġġur u l-11-il suċċessur ta’ Don Bosco.

“Mhux unur imma responsabbiltà enormi, biex inkun missier, mhux ċajta li se nkun dak li jakkumpanja 13,700 Salesjan f’136 pajjiż” qal Fr Fabio meta ġie mistoqsi dwar x’fisser għalih dan l-irwol ġdid. Kompla jgħid li hu missier provinċjali ta’ gwerrer u kunflitti, u semmiehom fl-ewwel diskors tiegħu.Meta dawn għamel kuntatt magħhom dawn qalulu li jridu jibqgħu fuq quddiem jiddefendu lil ħuthom anke jekk qed jaffaċċjaw il-mewt. Dawn għalih huma eżempji kbar t’imħabba u fi dmir li jitlob għalihom.

Hu qal li ma jistax isolvi l-problemi kollha imma msejjaħ li jakkumpanja lill-ħutu fuq dak li ġie deċiż fl-aħħar Kapitlu Ġenerali.

Mistoqsi biex jikkummenta dwar in-nuqqas ta’ nies fit-tmexxija li huma eżemplari għall-oħrajn Fr Fabio qal li din ir-realtà tinkwetah għax iħoss li qed ngħixu f’soċjetà fejn kollox hu kkunsmat, “f’soċjetà n-nies huma klijenti mhux persuni…. hemm aktar individwaliżmu milli solidarjetà, assenza sħiħa ta’ adulti bis-sens”. Soċjetà postmoderna fejn ma għadx fadal grupp ta’ valuri li jispiraw id-deċiżjonijiet tas-soċjetà filwaqt li għamilha ċara li ħabba dan kollu fil-passat kien hemm it-tbatija u l-weġgħat ukoll. saħaq li l-fidi llum hija għażla personali imma naqsu l-punti ta’ referenza li kapaċi jdawlu l-għażliet għaldaqstant l-familja ma għadhiex l-aġent primarju li jispira l-valuri. Fid-dawl ta’ dan kollu f’soċjetà sekularizzata fejn hemm aktar indifferenza min ikun awtentiku jispikka bħalma kien Papa Franġisku, Madre Tereża u Don Bosco. Hu qal li ma għandniex nikkundannaw lit-tfal tal-lum imma għandna nistaqsu hux nipprovdulhom mappep u mudelli fuqiex jimxu.

“Titwieled fil-benniena żbaljata”

Meta Fr Fabio ġie elett waħda mill-ewwel żjarat li għamel kienet propju f’ħabs f’Turin għall-minorenni. Hemmhekk iltaqa’ ma’ 30 żagħżugħ u beda jistaqsi jekk dawn sabux min jagħtihom trobbija tajba u fakkar il-kwotazzjoni famuża ta’ kappillan Salesjan “it-tort ta’ dawn il-persuni huwa li twieldu fil-benniena żbaljata”. Żied jistaqsi jekk hux qed nagħmlu għażliet sani jew hux inħaxxnu l-bwiet flok nakkampunjaw il-batuti. Huwa tkellem ukoll dwar il-kwistjoni tas-saħħa mentali. Fakkar li Don Bosco dejjem emmen li fil-qalb ta’ kull żagħżugħ u żagħżugħa hemm it-tajjeb u irridu nfittxu l-punt tat-tjubija u nkabbruh mhux ngħaffġuh u staqsa,

“Ir-razza ta’ adulti bis-sens hija rara?”

Fis-sitt snin li ġejjin hu se jimxi fuq il-Kapitlu Ġenerali u dawn għamlu żewġ deċiżjonijiet li jkunu verament bnedemin t’Alla, awtentiċi u onesti fl-identità tagħhom biex is-servizz pastorali ma jkunx falz u li jkunu intelliġenti fl-ispazji u l-proposti li joffru liż-żgħażagħ. Semma wkoll ix-xogħol enormi li qed jagħmlu mal-foqra, il-ħarsien tal-ambjent u anke kif se taffettwa liż-żgħażagħ l-Intelliġenza Artifiċjali li anke hu juża!

“Hija l-volontà t’Alla jew hu l-pjan tiegħek li tmur Salesjan?”

Tkellem ukoll dwar is-sejħa tiegħu li għal bidu kienet waħda djoċesana u għadda minn fażi kbira ta’ mistoqsijiet kbar u dixxerniment f’sessjonijiet ta’ counselling biex jagħraf aktar x’kien hemm fil-qalb tiegħu.

Source: Newsbook.com.mt