• Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

     


  • Il-Knisja Parrokkjali, Ħal Balzan

    16 ta’ Settembru 2018

    Hemm diversi punti li l-Kelma ta’ Alla tgħidilna f’din il-Quddiesa u li jgħoddu ħafna għal ħajjitna llum, kemm individwalment kif ukoll bħala komunità f’din il-lokalità ta’ Ħal Balzan. Nixtieq nitkellem fuq tlieta minnhom.

    L-ewwel nett, inħarsu lejn dak li San Ġakbu jgħid fit-Tieni Qari: il-fidi trid tidher fl-għemil. San Ġakbu kien qed ikellem lill-Insara tal-ewwel komunitajiet, u jidher li diġà kien hemm min irid l-isem ta’ Nisrani imma mbagħad ma jridx li l-għemil tiegħu jkun jaqbel mal-fidi li jistqarr. Qisu l-isem ta’ Nisrani hu tikketta li tqegħedha fejn trid. Dak li jgħid San Ġakbu lin-nies ta’ żmienu hu importanti wkoll għalina llum. Jekk aħna nemmnu, l-għemil tagħna għandu jkun espressjoni ta’ dak li nemmnu. Ma nistgħux nirraġunaw li għandna l-fidi imma mbagħad nagħżlu li ngħixu kif ifettlilna jew kif jaqblilna. Biex inġib eżempju, jekk bil-fidi nistqarru li Alla hu mħabba u li lilna jridna nħobbu lil xulxin u nirrispettaw id-dinjità ta’ xulxin, ma nistgħux imbagħad niżirgħu l-mibegħda, ninsultaw, inweġġgħu; jekk bil-fidi nistqarru li l-kliem tagħna għandu jkun veru mhux falz, kif għallimna Ġesù, ma nistgħux imbagħad inxerrdu aħbarijiet foloz u ngħidu dak li mhux veru bi ħsara għal ħaddieħor. L-għemil tagħna jagħmlilna ġieħ meta jkun espressjoni tal-fidi tagħna. Din hi l-ewwel talba li rrid nagħmel: li Alla jagħtina l-grazzja li l-fidi tkun tidher fl-għemil tagħna.

    It-tieni, inħarsu lejn dak li Ġesù staqsa lid-dixxipli tiegħu u t-tweġiba tagħhom. Ġesù ried ikun jaf mid-dixxipli n-nies min jgħidu li hu, u r-risposta tad-dixxipli turi li min kien jaħseb mod u min kien jaħseb ieħor; kellhom opinjonijiet differenti, tista’ tgħid kollha żbaljati. Ħlief ir-risposta ta’ Pietru meta staqsa mbagħad lilhom direttament x’jaħsbu huma, kulħadd kien żbaljat. Dan hu messaġġ importanti għal ħajjitna: x’inhu tajjeb jew ħażin, veru jew mhux veru, ma neħduhx minn x’jaħsbu n-nies madwarna. Kieku fi żmien Ġesù għamlu stħarriġ dwaru, kulħadd kien jesprimi l-idea tiegħu, u ta’ ħafna kienet tkun żbaljata. Aħna ma nistgħux nagħmlu stħarriġ bħala kriterju tat-tajjeb jew ħażin, veru jew mhux veru. Hu Ġesù li jurina dan, bil-Kelma li hu jwasslilna. Huma l-valuri tiegħu li għandhom imexxuna, ukoll meta madwarna ħafna jaħsbuha differenti. Meta ngħixu dawn il-valuri tiegħu, dak ikun l-akbar ġieħ tagħna. It-tieni talba tiegħi hi li nħarsu dejjem lejn Ġesù u minnu nieħdu d-direzzjoni f’ħajjitna, ikun hu l-kriterju ta’ dak li hu tajeb jew ħażin, veru jew mhux veru.

    It-tielet, inħarsu lejn il-kliem li Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu meta fissrilhom it-tbatija li minnha kellu jgħaddi. Jgħid l-Evanġelju ta’ San Mark li qalilhom li kien se jbati ħafna, ikun miċħud, joqtluh u wara jqum mill-mewt. Fuq dan kellimhom ċar. U tant kien ċar li Pietru beda jlumu u jgħidlu: ‘Ma tarax tgħaddi minn dit-tbatija!’ Imma Ġesù jċanfar lil Pietru, sa jgħidlu: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan” (Mk 8:33). Bi kliemu Pietru kien ta’ xkiel, kien qed itellfu milli jagħmel ir-rieda ta’ Alla. Il-messaġġ importanti għalina, li hu wkoll dak li naqraw fl-Ewwel Qari mill-Profeta Iżaija, hu li f’ħajjitna rridu ngħaddu mit-tbatija jekk nagħżlu dak li hu sewwa u veru. Kultant aħna nirraġunaw b’mod differenti; ngħidu: ‘Imma dan sew li tagħmel il-ġid u taqlagħha fuq wiċċek?’ Mhuwiex sew, imma Ġesù wriena li min jagħżel dak li hu tajjeb u veru irid jgħaddi mit-tbatija u s-sagrifiċċju, irid jerfa’ s-salib. Kultant taqlagħha fuq wiċċek. Imma dan m’għandux ifixkilna jew ibeżżagħna, lanqas għandu jaqtgħalna qalbna. Basta nkomplu fit-triq it-tajba li jgħallimna Ġesù. It-tielet talba li nagħmel għalina hi li l-Mulej jagħtina l-għajnuna u l-qawwa tiegħu biex nagħżlu dejjem dak li hu sewwa u jagħmel il-ġid. Dan ikun l-akbar ġieħ ukoll meta dan ifisser li ngħaddu mit-tbatija.

    Ispirati mill-Kelma ta’ Alla, illum inressqu dawn it-talbiet għal kull wieħed u waħda minna u għall-komunità tagħna f’Ħal Balzan, biex Alla jkompli jagħtina u jurina dak li tassew jagħmlilna ġieħ.

     Joseph Galea-Curmi

        Isqof Awżiljarju

     

  •