L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Bħal dawn iż-żewġ dixxipli, aħna wkoll qegħdin f’pellegrinaġġ. Dan il-pellegrinaġġ tradizzjonali, antik, li huwa talba, u fl-istess ħin att ta’ penitenza; li nagħmlu proprju bħad-dixxipli ta’ Għemmaws. Huma kienu raw lil Ġesù imsallab, u semgħu wkoll bl-aħbar tal-Irxoxt tiegħu; imma ma emmnuhiex, u telqu minn Ġerusalemm. Huwa Ġesù stess li ssieħeb magħhom fit-triq, jitkixxef x’hemm fil-qalb tagħhom. Għajnejhom kellhom xi jżommuhom, u ma setgħux jagħrfuh. Hu jistaqsihom: Imma x’inhu jtaqqalkom? Huma jispjegawlu; u Hu jfissrilhom l-Iskrittura. “Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kulma qalu l-profeti! U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu? (Lq 24:25-26). Ġesù stess jagħti interpretazzjoni ta’ dak li għadda minnu. Kien jeħtieġ li jbati ħafna, li jkun miċħud, li joqtluh, biex hekk jidħol fil-glorja tiegħu. “Beda minn Mosè u l-Profeti kollha jfissrilhom kulma kien hemm fuqu fl-Iskrittura” (Lq 24:27).
Hu ma jisfurzax ruħu fuqhom. Jagħmel tabirruħu li se jkollu jibqa’ sejjer mat-triq, meta jaslu Għemmaws. “Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm” (Lq 24:29). U jaċċetta din l-istedina. Aħna lill-Mulej Ġesù, xi stedina se nagħmlulu? Se nitolbuh jibqa’ magħna? Jew meta jippretendi li jrid jibqa’ sejjer għal għonq it-triq, inħalluh, għax il-Kelma tiegħu ċċanfarna wisq? ‘Ibqa’ magħna’, din tkun it-talba tagħna, l-aħwa. Hu jidħol magħhom, u joqgħod bilqiegħda mal-mejda magħhom. “Qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom” (Lq 24:30). F’dak il-mument, li aħna nirrepetuh f’kull quddiesa: ‘qabad il-ħobż, qasmu, bierku, tahom’; dak il-ġest huma jagħrfuh.
B’xi mod dan ir-rakkont ta’ Għemmaws ifakkarna dak li aħna niċċelebraw waqt il-quddiesa. Fil-bidu tal-quddiesa aħna naqsmu l-Kelma, inħallu lill-Mulej jispjegalna l-Kelma, jagħrafna kif il-Kelma ta’ Alla titkellem fuqu, u ddawwal lill-ħajja tagħna. U jagħmlilna stedina, biex aħna nkunu miegħu, naqsmu l-ħobża miegħu. U hekk jagħtina wkoll lilu nnifsu.
Il-quddiesa ta’ nhar ta’ Ħadd, kemm hi għażiża! It-tqarbina ta’ spiss, kemm hi għajn ta’ faraġ u qdusija!
Din l-esperjenza ta’ Għemmaws ġrat dakinhar stess filgħaxija, dakinhar tal-Irxoxt. Hija b’xi mod it-tifkira, u l-istedina, biex aħna kull l-ewwel jum tal-ġimgħa, kull nhar ta’ Ħadd, niċċelebraw l-Ewkaristija. Kemm hi ħaġa sabiħa li llum ġejtu hawn, nirringrazzjakom ħafna. Nirringrazzjakom ħafna tal-preżenza tagħkom fil-parroċċi tagħna, hija preżenza sabiħa, li tagħti dinjità liċ-ċelebrazzjonijiet tagħna. Imma nistaqsikom: intom il-quddiesa tal-Ħadd fiex wasalna fiha? Neħduha leave? Ir-risposta nħalliha f’idejkom. Imma ma ninsewx li Ġesù, li jissieħeb magħna fit-triq, u intom fratelli u pellegrini, jistedinna biex nisimgħuh fil-Kelma tiegħu, u li nħalluh jitmagħna bil-ħobż tiegħu.
Id-dixxipli ta’ Għemmaws meta għarfuh fil-qsim tal-ħobż, l-iżjed isem antik għall-quddiesa; jerġgħu lura mimlijin b’ferħ u entużjażmu lejn Ġerusalemm, minn fejn kienu telqu. “Il-Mulej qam tassew” (Lq 24:34). Anke huma jirrepettu l-istess esperjenza, li għarfu lil Ġesù jkellimhom permezz tal-Kelma ta’ Alla, u jaqsam il-ħobż tal-Ewkaristija. Aħna u nkomplu bil-pellegrinaġġ tagħna, nitolbu lill-Mulej li qiegħed magħna, jagħtina d-dawl biex nifhmu. Il-quddiesa ta’ nhar ta’ Ħadd kemm hi għażiża; it-tqarbina ta’ spiss, kemm hi għajn ta’ faraġ u qdusija.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-Quddiesa
Qari I: Atti 3:1-10
Salm: 104 (105):1-2,3-4,6-7,8-9
L-Evanġelju: Lq 24:13-35