L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Smajtu xi ntqal…imma jien ngħidilkom” (Mt 5:21-22). Dan hu d-diskors li għamel Ġesù, li smajna fl-Evanġelju llum, meta jqabbel dak li kienu jafu d-dixxipli tiegħu mill-passat – il-liġijiet u l-kmandamenti – imbagħad jgħidilhom hu x’għandhom jagħmlu. Ma nsibuhx biss hawn f’din is-silta, għax hawn Ġesù qiegħed, fl-Evanġelju skont San Mattew, fuq il-muntanja jkellem lid-dixxipli, u diversi drabi jgħid hekk: “Smajtu xi ntqal…imma jien ngħidilkom”. U x’jagħmel Ġesù? Meta jsemmi l-passat, ma jsemmihx qisu xi ħaġa antikwata u se jagħtihom xi ħaġa ġdida – speċi aktar taqbel maż-żminijiet. Imma Ġesù, f’kull waħda minn dawn li jsemmi l-passat, isemmih biex jagħmel xi ħaġa aktar esiġenti. Jiġifieri mhux jillaxka, anzi jitlob aktar. Jagħmel hekk biex imur fil-qalba, fl-għerq, ta’ dak li Alla qed jitlob mid-dixxipli tiegħu.
Hawnhekk isemmi Ġesù: “la toqtolx”. Dan hu kmandament ta’ Alla. Għalhekk jgħid: “Smajtu xi ntqal lin-nies ta’ dari: ‘la toqtolx’” (Mt 5:21). Ġesù mhux qed jgħid: imma jien se ngħidilkom tistgħu toqtlu f’dawn iċ-ċirkustanzi, mhix problema. Anzi, qed jgħid “la toqtolx”. U rridu niftakru “la toqtolx” tgħodd dejjem, jiġifieri kull fejn hemm ħajja umana, anke qabel it-twelid. Meta fit-tnissil hemm ħajja umana, Ġesù qed jgħid “la toqtolx”, u “la toqtolx” tibqa’ tgħodd dejjem sat-tmiem naturali tal-bniedem.
Imma Ġesù qed jgħid: ħa ngħidilkom xi ħaġa aktar minn hekk. Mhux biss “la toqtolx”, imma wkoll isemmi r-rabja, meta inti tinkorla għal ħuk (ara Mt 5:22). U Ġesù jsemmi tliet ċirkustanzi differenti, waħda aktar gravi mill-oħra. L-ewwel jgħid: m’għandekx tinkorla. Tinkorla ma jfissirx li ma tħossx kultant ir-rabja. Kultant tħoss ir-rabja għax ikun hemm xi ħaġa inġusta, xi ħaġa mhix sewwa, xi ħaġa li tweġġgħek. Tħoss ir-rabja. Ġesù mhux qed jgħid għax tħoss ir-rabja, imma li tinkorla – meta r-rabja ġġiegħlek, per eżempju, tgħid ċerti affarijiet, jew il-bniedem teħodha kontrieh, tgħajjat miegħu. Imma mhux biss tinkorla għal ħuk. Jgħid: jekk lil ħuk tgħidlu “ġifa”. U ġifa tfisser, fil-kuntest ta’ dak iż-żmien, li qed tgħid lill-bniedem li ma jiswiex, li moħħu vojt. Ġesù qed jgħid: ma għandekx tinsulta lill-bniedem. U iktar u iktar “iblah”. Għax meta tgħidlu “iblah”, fiċ-ċirkustanzi tat-Testment il-Qadim insibu: “Jgħid l-iblah f’qalbu: ma hemmx Alla!” (Salm 14:1). Meta qed tgħidlu iblah, qed tgħid li dan lanqas jirrikonoxxi lil Alla, tagħmel ġudizzju fuqu.
Ġesù qed jgħid: mhux biss ma toqtolx, imma li ma tinsultax lin-nies, ma tweġġagħhomx bi kliemek. Dan qed jgħid Ġesù. U kemm hu diskors importanti dan ta’ Ġesù! Għax aħna kultant jiġrilna hekk, u rridu noqogħdu attenti. Għalhekk kultant nagħmlu tajjeb li nigdmu lsienna meta se ngħidu xi kelma li tweġġa’, jew li lill-bniedem tbaxxih, jew li tinsultah. Jew meta niktbu hekk, għax hemm ħafna kitbiet hekk fuq il-media soċjali, kontinwament. Kultant, meta taqra, tgħid: imma dan, min kiteb, kif ma jistħix? Kif ma tistħix tikteb hekk, tikteb b’dal-mod – b’mod li tweġġa’, li tkasbar id-dinjità tal-bniedem? U rridu niftakru li, kif tgħid l-Iskrittura stess: “mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm” (Lq 6:45). Dak li ngħidu u dak li niktbu ġej minn ġewwa. Jekk huwa kliem ħażin, kliem li ma jixraqx, kliem li jinsulta, ifisser li l-qalb hija mnawra. Għalhekk Ġesù qed jgħid: mhux biss ma toqtolx, hemm iktar minn hekk! Ma toqtolx id-dinjità tal-persuna, ma tinsultahiex, ma tweġġagħhiex bi kliemek.
Għalhekk Ġesù jgħid imbagħad – kemm hi importanti għalina li nieħdu sehem fl-Ewkaristija – “Jekk tkun qed itella’ l-offerta tiegħek fuq l-artal” – fi żmienna din tfisser li qed tieħu sehem fl-Ewkaristija – “u hemm tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek, ħalli l-offerta tiegħek hemmhekk quddiem l-artal u mur l-ewwel irranġa ma ħuk, imbagħad ejja tella’ l-offerta tiegħek” (Mt 5:23-24). Ġesù qed jgħid: “li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek”, mhux li int, minħabba fik, iġġilidt ma’ ħuk. Qed jgħid: importanti li tagħmel ħiltek biex tirranġa ma’ ħuk, jew ma’ ħaddieħor, hu min hu. Issa jista’ jiġri li tipprova, u jkun għalxejn. F’dak il-każ, ma għandekx tort. Imma Ġesù qed jgħid li għandna nippruvaw dejjem li nsewwu r-relazzjonijiet, li nibnu tassew relazzjonijiet ta’ mħabba, ta’ rispett min-naħa tagħna. Almenu, min-naħa tagħna nkunu għamilna minn kollox biex ngħixu dil-kelma ta’ Ġesù.
Nitolbu llum, aħna u nisimgħu dil-kelma tiegħu, li nieħdu bis-serjetà l-ħajja tagħna Nisranija, b’dak kollu li tfisser, anke meta kultant irridu mmorru kontra tagħna nfusna, kontra dak li nħossu, inrażżnu lilna nfusna, biex ngħixu dil-kelma ta’ Ġesù, għax hija l-kelma li tagħmilna tassew ħielsa u bil-paċi f’qalbna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




