L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Nistgħu ngħidu li Ġesù, biex jispjega min hu u l-preżenza tiegħu fostna u anke fil-familja li waqqaf, juża l-elementi tan-natura: l-ilma, “min jemmen fija għajn ta’ ilma ġieri toħroġ mill-qalb tiegħu”, in-nifs u l-arja bħala sinjal tal-ispirtu. Jagħtina ħafna tixbihat tas-saltna biż-żrieragħ, bis-siġar u bix-xtieli. Huwa juża l-element tal-art.

Illum ikellmna fuq in-nar, element ieħor importanti u li kull kultura kienet tirrealizza l-qawwa tiegħu. Biżżejjed naraw il-kronaka ta’ dawn il-ġranet bin-nirien li qed jaħkmu partijiet kbar tal-Ewropa u mhux biss, u nirrealizzaw il-qawwa qerrieda tan-nar. Aħna wkoll għandna din l-espressjoni bejnietna: “minn ġot-taġen għal ġon-nar”. Nużawha meta tgħaddi minn sitwazzjoni diffiċli għal oħra. Donnu b’xi mod il-ħajja tagħna hija wkoll hekk. Qisha triq li ngħaddu minnha jew minn ġot-taġen għal ġon-nar.

Imma Ġesù għal xiex qed jirreferi meta jgħid “Jiena ġejt inġib nar fid-dinja u x’dieqa għandi sakemm jaqbad dan in-nar” (Lq 12:49)? Hija domanda leġittima u mhux faċli nsibu r-risposta anke għaliex hawnhekk, fl-Evanġelju ta’ San Luqa li Ġesù jitkellem dwar dan in-nar, juża — u naħseb din hija ċ-ċavetta biex nifhmu x’qiegħed jgħid — kelma oħra “hemm magħmudija li biha rrid nitgħammed” (Lq 12:50). Ġesù m’għandux bżonn il-magħmudija bħalma għandna bżonn aħna għall-maħfra tad-dnubiet. Imma l-kelma ‘magħmudija’ xi tfisser?

Il-kelma ‘magħmudija’ hija li inti tkun mgħaddas f’element, ikun xi jkun. Il-kelma baptizzo bil-Grieg tfisser li togħdos lil xi ħadd. Aħna fis-sajf inħobbu ngħoddsu fl-ilma. Meta konna żgħar forsi konna nħobbu nagħtu xi majnata lil xulxin ukoll u inti tgħammed lil dak li jkun mingħajr ma qallek. Il-magħmudija ta’ Ġesù hija propju dik li anke bl-Ingliż aħna nsejħulha full immersion. Dik hija l-kelma propja ta’ magħmudija. Aħna fl-għerq bil-Malti jikkollegaha mal-ilma: li tkun mgħaddas fl-ilma.

Imma Ġesù jitkellem fuq din il-full immersion bħala riferiment tat-tbatija li hemm bżonn jgħaddi minnha. Jirrealizza li minkejja t-tjubija u l-ħlewwa tiegħu, u l-ħniena li xandar, se jkollu jgħaddi minn din il-magħmudija ta’ diffikultajiet, ta’ persekuzzjoni u ta’ tbatija. Jekk inħarsu lejn Ġesù fuq is-salib nifhmu li aħna qed inħarsu lejn bniedem ippersegwitat u kkalunjat li ġie arrestat inġustament, ġie kkundannat inġustament u wkoll mgħaddas totalment fit-tbatija.

Nhar il-Ġimgħa l-Kbira nfakkru l-kliem tal-Profeta Iżaija: “Tgħabba bil-mard tagħna, ħa fuqu d-dnub tagħna”. Dak kollu li lilna jbeżżagħna, Ġesù ħadu fuqu. Imma Ġesù bħala bniedem kellu din l-ansjetà: iġri jgħaddi minni dan il-kalċi. Immaġini oħra li juża.

Allura nifhmu għaliex l-għażla tal-ewwel qari hija l-persekuzzjoni li n-nies ta’ żmienu għamlu ’l Ġeremija li mqabbad minn Alla wassal messaġġ ta’ ċanfira lill-poplu. Ir-reazzjoni tagħhom hija li Ġeremija qed jaqtagħlhom qalbhom u ta’ profeta li hu qed ixewwex, mela allura aħjar iwarrbuh min-nofs u jpoġġuh ġol-bir, ġol-ħama (ara Ġer 38:4,6).

Ħafna drabi r-reazzjoni tagħna għal min jgħidilna xi ħaġa li tkun ta’ ġid imma ma togħġobniex hija l-cancel culture. Illum għandna din il-kultura li tikkanċella lil min il-messaġġ tiegħu huwa skomdu għalik; mhux għax qed jigdeb imma għax l-verità li qed jgħidlek tweġġa’ wisq. Allura tikkanċellah (cancel culture). Din hi xi ħaġa antika li kull profeta għadda minnha. Għalhekk, illum, l-għażla tal-ewwel qari tikkonferma wkoll li dak li Ġesù qed jirreferi għalih huwa propju l-fatt li għandu jilqa’ r-rifjut tal-poplu. Aħna mhux qed nitkellmu fuq meta bniedem jiġi akkużat u kkundannat ġustament, iżda fuq il-profeta li għaliex ħabbar il-kelma ta’ Alla huwa msejjaħ iħallas il-prezz.

Għalkemm forsi mhijiex ċara u tonda, fit-tieni qari tal-lum insibu rifless tagħha meta l-awtur tal-Ittra lil-Lhud jgħid lill-komunità: intom fil-ġlieda tagħkom kontra l-ħażen, kontra d-dnub, kontra l-inġustizzja, u kontra l-korruzzjoni, sejħulha li tridu, għadkom ma wasaltux sat-tixrid tad-demm (Lhud 12:4). Imma fl-istorja tal-umanità għandna ħafna eżempji ta’ nies li għaliex sfidaw lis-soċjetà jew il-poteri okkulti u mhumiex, spiċċaw ħażin, maqtula, assasinati, kalunjati u kalpestati.

U Ġesù dan irid ifhiem meta jitkellem fuq il-firda li jrid iġib. L-ewwel nett il-firda li ġġib kull għażla, għaliex il-firda li jirreferi għaliha Ġesù mhix kwistjoni ta’ jiena nobogħdok u inti tobgħodni, imma l-għażliet li nagħmlu se jġibu firda bejnietna. Din hi l-kelma mill-Evanġelju ta’ San Luqa.

San Luqa huwa matur ħafna. Meta nkiteb l-Evanġelju ta’ San Luqa, li mbagħad jitkompla bl-Atti tal-Apppostli, il-komunità Nisranija kienet waslet f’ċerta maturità. Wara kollox, l-istess awtur jikteb it-tieni ktieb, l-Atti tal-Appostli, u jikkonkludih bil-wasla ta’ Pawlu f’Ruma qabel ma jgħaddi minn Malta. Hemm tradizzjoni antika li tgħid li anke dan il-post li minnu llum qed niċċelebraw il-quddiesa huwa marbut mal-miġja tal-Appostlu Missierna. Din il-kappella ddediakta lil San Xmun Appostlu tinsab mhux ’il bogħod miż-żona ta’ San Pawl Milqi, u allura hawnhekk x’aktarx qegħdin fuq l-oqsma ta’ Publiju li peress li kien il-protos tal-gżira, ma kellux għalqa żgħira. L-oqsma tal-prinċep tal-gżira kienu jħarsu propju fuq il-port li llum ngħidulu l-Qawra u s-Salini.

Imma din il-komunità kellha taffaċċja ruħha mal-persekuzzjonijiet u ftakret fil-kelma ta’ Ġesù li l-persekuzzjoni tista’ tasal anke biex taffettwa r-relazzjonijiet l-iżjed intimi: l-omm kontra l-bint, il-bint kontra l-omm, omm il-mara kontra bint żewġha, l-aħwa bejniethom (Lq 12:53). Għaliex? Għaliex ċerti editti imperjali tal-ewwel komunità kienu jagħtu poter lil min jakkużak. Nagħtu każ jien Nisrani; jekk xi ħadd tal-familja jikxef li jien Nisrani, l-imperatur kien jagħtih il-ġid kollu tal-familja. Tistgħu timmaġinaw x’tentazzjoni kienet dik li tirrapporta ’l xi ħadd tal-familja u hekk tieħu l-ġid kollu inti? Allura dawn il-firdiet antiki kienu anke frott tal-editt imperjali tal-persekuzzjonijiet. Il-firda li ġab Ġesù hija wkoll frott tal-għażla tagħna; il-firda ta’ bejn min jagħżlu, allura hemm prezz ukoll xi tħallas u l-prezz ta’ min jiċħdu. Imma anke dak għandu prezz xi jħallas. L-għażla f’idejna. In-nar li ġab Ġesù hu nar li għadda minnu hu stess.

Aħna qegħdin hawnhekk fil-kappella ddedikata lil San Xmun li fil-lista tal-appostli ġieli jkun in-numru 11 u ġieli t-12. Dan San Xmun huwa ‘Xmun l-Imħeġġeġ’ u dan l-Evanġelju fejn Ġesù jitkellem fuq in-nar li bih irid iħeġġeġ lid-dinja, nifhmu li dan Xmun ġie msejjaħ fl-umiltà u fin-nuqqasijiet tiegħu. Wara kollox fil-Ġimgħa l-Kbira Xmun ma deherx b’nemes, ħarab, u lill-Mulej ċaħdu wkoll. Hu jsir wieħed mix-xhieda, mill-martri, għall-Mulej. Il-ħeġġa tiegħu mbagħad saret ħeġġa li biha u permezz tagħha għażel lil Ġesù. Ta’ din kellu jħallas il-prezz. L-appostli kollha jġorru f’idejhom is-sinjal tal-martirju tagħhom: min issegawh; min tawh bl-għasluġ; u min sallbuh fuq is-salib, fosthom l-aħwa Pietru u Indrì li spiċċaw imsallbin. L-appostli kollha spiċċaw b’salib differenti minn ta’ Ġesù imma msallbin xorta.

Fl-istorja ta’ pajjiżna ma għandniex martri, imma b’xi mod irranġajna. L’arte di arrangiarsi, jgħidu t-Taljani, l-arti li nirranġaw u niftehmu. Missjunarji li mietu martri kellna tnejn. L-ewwel wieħed hu s-saċerdot Vincente Scicluna minn Ħal Għaxaq li miet martri fi Spanja waqt il-persekuzzjoni tas-snin 30. Għalkemm kien imwieled hemm, kien tat-tieni ġenerazzjoni. Huwa martri ta’ nisel Malti u ġie bbeatifikat. Imbagħad għandna s-Soru Angèle-Marie Littlejohn, bint emigrant Malti fit-Tuneżija, li nqatlet għaliex xi ħadd kellu mibgħeda għall-fidi tagħna.

Aħna l-Maltin nitolbu lill-Mulej li jgħaddina min-nar tal-imħabba tiegħu, iħeġġiġna nagħżluh dejjem u dik tkun diġà grazzja kbira.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġer 38:4-6,8-10
Salm: 39(40):2,3,4,18
Qari II: Lhud 12:1-4
L-Evanġelju: Lq 12:49-53