-
-
On Wednesday, 19th April 2017, Archbishop Charles J. Scicluna celebrated mass on the occasion of the 100th anniversary of the consecration of the Holy Trinity Church, Marsa.
-
Homily by Archbishop Charles J. Scicluna
-
-
Holy Trinity Church, Marsa
19th April 2017
Dan l-Evanġelju (Lq 24, 13-35) li għadna kemm smajna joqgħod tant tajjeb għall-okkażjoni li qegħdin niċċelebraw illejla. Tnejn mid-dixxipli, f’jum il-Għid, fl-ewwel jum tal-Ġimgħa, “dakinhar stess”, jgħidilna Luqa l-evanġelista, jirritornaw lejn villaġġ, jibdew vjaġġ “lejn raħal jismu Għemmaws” (v. 13).
Mhux biss huma xhieda tal-arrest ta’ Ġesù, tat-torturi li bata, imma anke tat-tislib tiegħu; huma xhieda tal-ewwel aħbar tal-qawmien, diġà jafu li l-qabar instab vojt u li n-nisa marru għand id-dixxipi jgħidu li Ġesù kien qam. Imma d-deċiżjoni tagħhom hi li jibdew il-ħajja normali tagħhom. Donnhom ma jistgħux jemmnuha din li xi ħadd li miet, fit-tielet jum jerġa’ jqum. Għalihom il-qabar vojt huwa sempliċement qabar vojt, u jaqbdu u jitilqu minn Ġerusalemm qalbhom imtaqqla.
Il-Mulej ma jinsihomx, jissieħeb magħhom u jistaqsihom: “X’ġara?” (v. 19). Il-mistoqsija tal-Mulej iġġiegħlhom jaħsbu u jirriflettu fuq dak li kienu għaddew minnu. “Inti l-barrani f’Ġerusalemm li ma tafx x’ġara hemmhekk f’dawn il-jiem?” (v. 18). Il-kelma “barrani” f’dan l-Evanġelju ġiet żviluppata mill-komunità Nisranija u minnha ġiet il-kelma parroċċa; bil-Grieg “barrani” f’dan l-Evanġelju huwa “paroikos”, xi ħadd li jgħix fid-dinja imma mhux hawn pajjiżu, bħalma jgħidilna l-appostlu Missierna: “aħna pajżana tas-sema pajjiżna” (Fil 3, 20) u anke fl-Ewwel Ittra ta’ Pietru lill-komunità jgħidilha: “intom barranin u għorba” (1 Pt 2, 11). L-Insara jgħixu fid-dinja imma għandhom diġà destinazzjoni aħħarija, li hija l-ġenna, is-sema.
“Inti waħdek il-barrani?”. U huma jgħidulu l-interpretazzjoni tagħhom: “Ġesù ta’ Nazzaret, profeta setgħan fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u quddiem il-poplu”, id-deċiżjoni “tal-qassisin il-kbar, tal-gvernatur biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh. Aħna konna nittammaw li hu kien dak li kellu jifdi lill-Iżrael” (Lq 24, 19-21). Innutaw: “konna nittamaw”, m’għadniex, konna nittamaw, m’għadniex, m’għadniex nittamaw “li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael” u “ukoll xi wħud min-nisa ħasduna, marru kmieni ħdejn il-qabar u l-katavru tiegħu ma sabuhx, ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli li qalulhom li hu ħaj” (vv. 21-23). Imma dan huwa thewdin tan-nisa. Żewġt irġiel li qatgħu qalbhom mill-esperjenza ta’ Ġesù u li ma jistgħux iniżżluha li t-tħabbira tal-Għid hija vera.
Ejjew nistaqsu lilna nfusna jekk aħna, fil-fond ta’ qalbna, aħniex bħal dawn iż-żewġ dixxipli. Aħna għadna nittamaw li Ġesù se jkun il-fidwa tagħna? Aħna fiex nittamaw? Il-ħajja tagħna kieku jkollna niżnuha ma liema granpun inwaħħluha? Mal-flus? Man-nies li nafu? Ma’ dawk li għandhom il-poter ta’ din id-dinja? Fuq xiex qed nibnu l-ħajja tagħna? Għadna nittamaw fil-Mulej Ġesù? Din hija domanda importanti b’mod speċjali lill-komunità Nisranija li għandha t-titlu tat-Trinità Qaddisa, li hija mbierka bit-titlu tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. Għax jekk aħna m’aħniex minn dawk li nittamaw f’Ġesù allura joqgħodu wkoll għalina l-kelmiet ħelwa imma ċari tal-Mulej: “kemm intom boloh, kemm intom boloh u tqal biex temmnu kulma qalu l-profeti” (v. 25).
U Ġesù baqa’ jagħmel f’kull quddiesa, jiftħilna l-Kotba Mqaddsa. “Beda minn Mose u l-profeti kollha jfissrilhom kulma kien hemm fl-Iskrittura fuqu” (v. 27). Din il-ħaġa Ġesù jagħmilha f’kull quddiesa: isemmagħlna l-kelma u jispjegalna dik li għalih hija l-lezzjoni fundamentali. “U ma kellux il-Messija jbati u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?” (v. 26). Nistgħu ngħidu li din hi wkoll l-istorja ta’ kull Nisrani. Ġesù, innutaw, ma jeħlisniex mit-tbatija. Hawn min iwiegħed evanġelju ta’ prosperità: ejjew magħna u ma jkollkomx mard, ejjew magħna u ssiru sinjuri, il-Mulej iberikkom, ejjew magħna u ma jkollkomx problemi. Kollu f’isem Ġesù Kristu jgħidu dan, tal-libertà ma nafx xiex, u x’naf jien. U huma għedewwa tas-salib ta’ Kristu. Għax meta jkellimna l-Mulej ma jaħfrilniex is-salib, u lanqas it-tbatija, anzi jgħidilna: “ma kellux il-Messija jbati u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?”
Joqorbu lejn ir-raħal fejn kienu sejrin u x’jagħmel Kristu? Għamilha “ta’ birruħu li hu kien se jibqa’ sejjer akar ’il bogħod” ( v. 28). Din id-deċiżjoni ta’ Ġesù lili timlieni b’ammirazzjoni kbira. Għaliex? Għax Ġesù ħallihom fil-libertm jistednuhx jew le. X’kienet ir-risposta feliċi tagħhom? “Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm” (v. 29).
Din hija t-talba li din il-parroċċa, fil-mitt sena tal-konsgrazzjoni ta’ dan it-tempju trid tagħmel lil Ġesù: “Ibqa’ magħna, ibqa’ magħna!” U din t-talba jridu jagħmluha l-ġenerazzjonijiet kollha, iridu jagħmluha t-tfal u ż-żgħażagħ, l-adulti, l-anzjani. “Ibqa’ magħna”.
F’dak il-mument Ġesù mhux biss jibqa’ magħhom imma jidħol f’intimità magħhom. Għaliex? Daħal biex joqgħod magħhom, qagħad magħhom fuq il-mejda. Li inti tiekol ma’ xi ħadd, ifisser li inti f’komunjoni, f’imħabba kbira miegħu. Fil-fatt il-kontemporanji ta’ Ġesù kienu jitkażaw: ara dan jiekol mal-Pubblikani u mal-midinbin!. U meta daħal għand Żakkew tkażaw ukoll, imma qalilhom: “dan ukoll huwa iben Abraham” (Lq 19, 9).
“U waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom” (Lq 24, 30). Bħalma f’kull quddiesa Ġesù jiftħilna l-ktieb tal-Kelma, hekk ukoll f’kull quddiesa, Ġesù, permezz tas-saċerdot, jaqbad il-ħobż, jgħid il-barka, jaqsmu u jagħtihom. U għalhekk iċ-ċelebrazzjoni tal-konsgrazzjoni ta’ dan l-ispazju, il-bini, huwa propju t-talba tal-parroċċa tal-Marsa biex Ġesù jkun hawnhekk, “ibqa’ magħna”. Aħna ddedikajnilek l-art, il-bini, ix-xogħol ta’ jdejna, il-ġenerożità tal-konjugi Balbi, imma anke l-ħeġġa tal-Marsin. Mitt sena ilu lill-Isqof Mauru Caruana tajnih dan it-tempju biex jikkonsagrah lilek, biex fil-pajsaġġ Malti qrib il-port, jibqa’ l-għajta tal-Marsin lill-Mulej Ġesù “ibqa’ magħna”. Ibqa’ magħna biex minn fuq l-ambone taqsam magħna l-kelma tal-Mulej, ibqa’ magħna biex min fuq l-artal inti taqsam magħna l-ħobż ħaj li huwa Ġesù, ixxarrabna u tisqina bid-demm imqaddes tiegħek.
“Dak il-ħin infetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda huwa għab minn quddiemhom” (v. 31). Xi jfisser dan il-verb? Ġesù mar x’imkien? Le, ma setax, baqa’ magħhom. It-talba tagħhom semagħha u laqagħha imma hu għab minn quddiem għajnejhom bħalma aħna ma narawhx bl-għajnejn tal-ġisem imma tarah u tħossu f’qalbek. Għab minn quddiem għajnejna imma ma telaqx ‘il bogħod minna. Il-Mulej huwa magħna, u għalhekk ħafna drabi fil-quddiesa nfakkru lil xulxin din il-verità profonda: “il-Mulej magħkom”. U intom tirrispondu: “u miegħek ukoll”. Kemm-il darba jgħidha s-saċerdot din il-ħaġa: “il-Mulej magħkom!”. Qabel nisimgħu l-kelma ta’ Alla: “il-Mulej magħkom”, qabel nibdew it-talba tal-Ewkaristija, “il-Mulej magħkom”, qabel iberikna hu jgħidilna nkomplu l-missjoni tagħna barra minn dan it-tempju. Għax il-Mulej mhux magħna biss hawn, imma wkoll fit-toroq tal-ħajja, fid-djar tagħna, fuq ix-xogħol, fil-każini, il-Mulej huwa magħna wkoll hemm barra, mhux hawnhekk biss.
U dawn id-dixxipli telqu minn Ġerusalemm qalbhom maqtugħa mingħajr tama, “konna nittamaw” xi darba, konna nittamaw, issa jsiru ħabbara ta’ din il-laqgħa sabiħa ma’ Ġesù. “Huma wkoll tarrfulhom lid-dixxipli x’kien ġralhom fit-triq u kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż” (v. 35).
Kemm tkun ħaġa sabiha li bħalhom aħna nkunu nistgħu ngħidu: “u ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?” (v. 32). Aħna u niltaqgħu miegħu fl-Ewkaristija, jalla l-qalb tagħna tkun imħeġġa bil-laqgħa tiegħu magħna, aħa niltaqgħu ma’ Ġesù fil-kelma tiegħu, niltaqgħu ma’ Ġesù fl-Ewkaristija, niltaqgħu ma’ Ġesù meta nitolbu flimkien “għax fejn tnejn jew tlieta jiltaqgħu f’ismi hemm jien inkun jien f’nofshom” (Mt 18, 20). Niltaqgħu miegħu ukoll fil-proxxmu tagħna “għax kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti għamiltuh miegħi”. Mela anke hemm barra, barra mit-tempju kkonsgrat, meta inti tisqi lil min hu bil-għatx il-Mulej jgħidlek: “kont bil-għatx u sqejtni”, meta tagħti jiekol li min hu bil-ġuħ, il-Mulej se jgħidlek: “kont bil-ġuħ u tmajtni”, meta tlibbes lill-għeri, il-Mulej se jgħidlek: “kont għeri u libbistni”, jekk iżżur lil min hu waħdu, “kont waħdi u ġejt iżżurni” (ara Mt 25, 35-36). Għax il-Mulej ilaqqgħana miegħu nnifsu kemm hawnhekk u hemm barra.
Illum aħna u niċċelebraw dan is-seklu, l-ewwel mitt sena mill-konsagrazzjoni ta’ dan it-tempju, nirrinngrazzjaw lil kull min ħadem biex iżejnu, jieħu ħsiebu, u fuq kollox nirringrazzjaw il-Komunità tal-Patrijiet Franġiskani Kappuċċini li ħadu ħsieb il-ħtieġa pastorali ta’ din il-parroċċa, ta’ dan il-poplu għażiż, u f’dan is-seklu kienu huma li f’isem Ġesù laqqgħuna miegħu fil-kelma u fl-Ewkaristija.
✠ Charles J. Scicluna
Archbishop of Malta -
-
Photos: Curia Communications Office