Żgur li ħafna minna hawnhekk ma niftakrux dakinhar li tgħammidna. Konna żgħar ħafna, forsi kellna ftit ġranet jew ġimgħat, u għalhekk ma konniex aħna li ġejna għall-magħmudija tagħna. Kienu l-ġenituri li ġarrewna u li għamlu din l-għażla għalina għax riedu li mill-ewwel mumenti ta’ ħajjitna jagħmlu għalina l-isbaħ u l-aħjar għażliet.
Dakinhar tal-magħmudija, kienu l-ġenituri tagħna li għamlu l-istqarrija tal-fidi u riedu li aħna nsiru ħaġa waħda ma’ Ġesù Kristu u nkunu, u nagħrfu li aħna, ulied għeżież ta’ Alla. Iktar ’il quddiem, aħna kkonfermajna l-għażla tal-ġenituri tagħna meta rċevejna s-Sagrament tal-Konfermazzjoni.
Ħa fuqu d-dnubiet tagħna
Dan kollu jorbot mal-ġrajja ta’ Ġesù Kristu: tal-ħajja, il-mewt u l-qawmien tiegħu. U nistgħu nifhmu l-magħmudija tagħna propru jekk nifhmu l-magħmudija ta’ Kristu, il-festa li qed niċċelebraw illum.
Forsi tidher stramba li Ġesù resaq hu biex jitgħammed. Jekk hu ried li l-magħmudija tkun is-sinjal li qed nidħlu fil-ħajja tiegħu u fil-familja ta’ Alla, ma setax iddeċieda li f’mument minnhom jibda jgħammed hu stess flimkien mad-dixxipli tiegħu? Iva, imma hu għażel triq oħra. Resaq biex jitgħammed hu, flimkien mal-folla nies li kienu qed jirċievu l-magħmudija filwaqt li jistqarru dnubiethom.
Alla ried li jadottana bħala wliedu għeżież, u jrid li ngħixu bħala wliedu għeżież. Din se jibqa’ jgħidha fuqna, anke meta nitbiegħdu minnu
X’sens fiha li mar Ġesù wkoll meta hu ma kellux dnubiet? Ġesù mar biex jitgħammed mhux għax kellu d-dnubiet hu, jew biex jitlob maħfra tad-dnubiet; ma marx biex juri d-dispjaċir għad-dnubiet tiegħu, imma mar biex proprju jieħu fuqu d-dnubiet tal-umanità, hu li ma kellux dnub. Fil-magħmudija ħareġ ħafna ċar li Ġesù salvana mhux mill-bogħod, jew maqtugħ minna, imma billi daħal fl-istess ħajja tagħna, ħa fuqu l-ħażen tagħna biex ikun jista’ jeħlisna minnu, u lilna jġibilna s-salvazzjoni. Jispjegaha b’mod sabiħ ħafna San Massimu, Isqof ta’ Turin, fis-seklu erbgħa: “Kristu tgħammed mhux biex jitqaddes bl-ilma, imma biex hu stess iqaddes l-ilma…Kristu, bil-konsagrazzjoni tiegħu, ikkonsagra l-ilma. Bil-ħasil tas-Salvatur, l-ilma kollu tnaddaf għall-magħmudija tagħna, u l-għajn issaffiet biex tista’ tagħti l-grazzja bil-ħasil lill-popli li kellhom jiġu wara.”
X’seħħ fil-magħmudija ta’ Ġesù u x’jgħidilna għall-magħmudija tagħna li msejħin ngħixu fil-ħajja ta’ kuljum? Fil-magħmudija tiegħu, joħorġu b’mod ċar ħafna l-identità ta’ Ġesù u l-missjoni tiegħu. Kif tgħammed, niżel l-Ispirtu s-Santu fuqu u nstema’ leħen il-Missier jgħid: “Inti ibni l-għażiż, fik sibt il-għaxqa tiegħi”. Ġesù hu l-Iben għażiż ta’ Alla, u dan kien konfermat fil-bidu tal-missjoni tiegħu waqt il-magħmudija. F’din il-ġrajja, ħarġet ċara wkoll il-missjoni tiegħu: dik li jagħmel ir-rieda tal-Missier billi jsalvana, u li fih il-Missier isib il-għaxqa tiegħu. Il-Missier ta xhieda fuqu u wrieh lill-ġnus kollha
Kelma ta’ konfort tal-Missier
Meta rċevejna l-magħmudija, tgħammidna fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. Bil-magħmudija tagħna, isseħibna ma’ Kristu. Bil-qawwa tiegħu, jiġi jgħodd għalina l-istess kliem li qal il-Missier fuqu: “Inti ibni l-għażiż, fik sibt il-għaxqa tiegħi”. Alla ried li jadottana bħala wliedu għeżież, u jrid li ngħixu bħala wliedu għeżież. Din se jibqa’ jgħidha fuqna, anke meta nitbiegħdu minnu, jew meta nagħmlu affarijiet li jmorru kontra dak li jrid hu. Xorta jibqa’ jgħidha fuqna u kontinwament ifakkarna li aħna min aħna, aħna għeżież għalih. Ifakkarna li dik hi s-sejħa tagħna: li hu jkun Missierna u aħna wliedu għeżież.
Ngħixu l-magħmudija tagħna meta nżommu dejjem dan il-kliem f’qalbna. Lil Alla nibqgħu dejjem ngħożżuh bħala Missierna u nħossu tassew li aħna għeżież għalih. Dan lilna jqawwilna qalbna u jgħinna biex qatt ma nħossuna mitlufin jew bla direzzjoni. Kull darba li nsejħu lil Alla Missierna – bħalma nagħmlu fit-talba tal-‘Missierna’ – qed nagħrfu l-valur tal-magħmudija tagħna fejn aħna wliedu għeżież.
Jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu
Il-leħen tal-Missier jgħid ukoll għal Ġesù: “fik sibt il-għaxqa tiegħi”. Din hi stedina lilna wkoll, biex il-Missier ikun jista’ jgħid fuq kull wieħed u waħda minna: “fik sibt il-għaxqa tiegħi”.
Inkunu l-għaxqa tiegħu meta ngħixu fil-ħajja ta’ kuljum il-wegħdiet tal-magħmudija tagħna, speċjalment iċ-ċaħda tad-dnub, tal-ħażen, u l-għażla ta’ dak li hu tajjeb – dan joħroġ b’mod qawwi fis-simbolu tal-ilma tal-magħmudija, l-ilma li jnaddaf u li jagħti l-ħajja. Dawn huma għażliet li rridu nagħmlu ta’ kuljum, u huma dawn l-għażliet li jgħinuna ngħixu l-magħmudija tagħna bis-serjetà. Il-Missier isib l-għaxqa fina iktar ma nsiru nixbhu lil Kristu fi kliemna, fl-imġiba tagħna, fil-mod kif nittrattaw lill-oħrajn. B’dan il-mod, nagħmlu l-esperjenza li jsemmi Salm 149: “Jitgħaxxaq il-Mulej bil-poplu tiegħu”.
Aħna u niċċelebraw illum il-magħmudija tal-Mulej, nirringrazzjawh li bil-magħmudija tagħna mseħbin ħaġa waħda miegħu. Nitolbuh li ngħixu l-magħmudija tagħna fil-ħajja ta’ kuljum, b’mod li l-Missier ikun jista’ jgħid fuqna bħalma jgħid fuq Ġesù: Int ibni l-għażiż, inti binti l-għażiża, fik sibt il-għaxqa tiegħi.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju