L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Ġesù jirrealizza li t-tmiem tassew wasal. Ġuda se jkompli bil-pjan tiegħu li jittradih, ibigħu għal 30 biċċa tal-fidda u dak li [Ġesù] kien irrepeta għal darba, darbtejn, tlieta lid-dixxipli fl-aħħar se jseħħ. “Bin il-Bniedem jiġi mogħti f’idejn il-kapijiet, iżebilħuh, isalbuh, wara tlett ijiem iqum” (Mk 8:31).
Hu jitkellem dwar dan il-proċess ta’ glorja b’kategorija li għalina hi ħafna stramba għax il-glorja għalina hi show of force, il-qawwa, il-poter, il-prestiġju. Quddiem il-misteru tal-imħabba ta’ Ġesù dan kollu jsir frugħa. Għalih imma hemm xi ħaġa urġenti li jrid iħallilna bħal xi ħadd li jaf li wasal lejn it-tmiem, hemm bżonn jagħmel it-testment. U se jħalli l-iktar ħaġa għażiża lil dawk li l-iżjed iħobb. ‘Uliedi’, din il-kelma fil-Grieg li biha nkiteb l-Evanġelju ta’ San Ġwann, tintuża meta min jgħidha mhux biss iħoss sens qawwi ta’ paternità imma ta’ mħabba kbira.
Lil dawn li qed iħobbhom bi mħabba kbira, Ġesù jgħidilhom li mhux se jdum ħafna magħhom imbagħad jagħtihom konsenja, iħallilhom it-testment tiegħu. Għax, wara kollox, dan it-testment se jinfetaħ bil-mewt tiegħu. It-testment jinfetaħ wara l-mewt. U Ġesù, biex jiftaħ dan it-testment jaf li se jgħaddi mill-proċess ta’ mewt krudila imma wkoll issiġġillata mill-qawmien mill-imwiet.
X’jgħid dan it-testment? X’jagħtina Ġesù? “Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin” (Ġw 13:34). Dan hu t-testment ta’ Ġesù. Din hi l-iżjed ħaġa prezzjuża li jixtieq jaqsam magħna. U dan isir ukoll il-kriterju, il-miżura, il-kejl tar-relazzjonijiet ta’ bejnietna. U ngħid ukoll tal-imħabbiet ta’ bejnietna. Għax Ġesù jgħid: “Bħalma ħabbejtkom jien, ħobbu intom lil xulxin” (Ġw 13:34). Donnu Ġesù qed jgħidilna: jekk jiena ġejt għal xi ħaġa fid-dinja, ġejt biex nurikom it-triq tal-imħabba u jekk intom m’intomx qegħdin f’din it-triq mhux aħjar tagħżluha? “Għax min dan jagħrfukom li intom tiegħi” (Ġw 13:35), la mit-titli, la mill-pożizzjoni, la mill-ġid li għandek ta’ din id-dinja, tingħaraf li int ta’ Ġesù mill-imħabba.
Aħna bħala komunità rridu nieħdu din il-kelma, dan it-testment ta’ Ġesù bis-serjetà anke għax l-imħabba tfisser li inti tilqa’ lil dak li jkun, bl-Ingliż jgħidu warts and all, bil-preġji, bid-difetti, bil-limiti, li nilqgħu lil xulxin. Imma qegħdin nagħmlu hehk aħna meta għal kull ħaġa ta’ xejn niksruha bejnietna? Mhux qed nitkellem biss fuq il-kwistjonijiet li jinqalgħu minħabba l-wirt. Dawk idumu s-sekli kultant minn ġenerazzjoni għall-oħra. Imma anke l-ftietaq ta’ kuljum ta’ bejnietna. U xi ngħidu għalina bħala Knisja, bħala familja ta’ Ġesù? Qed nilqgħu tassew lil xulxin jew kulħadd nagħmlulu tiketta? Inti tidħol, inti le, inti midneb l-oħrajn le. Mhux kulħadd għandu bżonn il-ħniena t’Alla?
Komunità ta’ LGBTIQ fakkritni li jumejn oħra, fis-17 ta’ Mejju, id-dinja tfakkar is-solidarjetà ma’ dawn ħutna u ftakart x’qal il-Papa m’ilux. Qal: ‘L-ewwel nett irridu niftakru li Alla ma jiċħad lil ħadd minn uliedu’. Appell li nagħmel lill-ġenituri: ilqgħu lil uliedkom bħalma jilqagħhom Alla l-Missier li ħalaqhom. Anke Ġesù jħares lejn uliedkom – bħalma jħares lejn kull wieħed u waħda minna – u jgħidilna: “Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin”.
Il-Madonna u San Ġużepp – dawn kienu refuġjati u nagħmlulhom il-festi, indawruhom bl-istatwi u nagħmlulhom ma nafx kemm-il purċissjoni, imbagħad jiġi refuġjat tad-demm u l-laħam, mhux tal-kartapesta, u kif nittrattawh?
Il-Papa jinsisti wkoll li min qed jipprova jipprietka Knisja tal-perfetti, ta’ dawk li qatt ma jagħmlu dnubiet, l-ewwel nett qed jgħix f’realtà li ma teżistix, it-tieni mhux qed jippreżenta l-Knisja tal-Evanġelju u ta’ Ġesù. Għax l-istil tal-Evanġelju, jgħid il-Papa Franġisku hu dak tal-viċinanza, tal-kompassjoni, tat-tenerezza. Mhux qed ngħid dak li hu ħażin tgħidlu tajjeb u dak li hu tajjeb tgħidlu ħażin, imma kemm hemm bżonn nitgħallmu nilqgħu lil xulxin!
Aħna li tant għandna devozzjoni lejn il-qaddisin, ħa nsemmi biss tnejn kbar: il-Madonna u San Ġużepp. Dawn kienu refuġjati u nagħmlulhom il-festi, indawruhom bl-istatwi u nagħmlulhom ma nafx kemm-il purċissjoni, imbagħad jiġi refuġjat tad-demm u l-laħam, mhux tal-kartapesta, u kif nittrattawh?
Għaliex Ġesù jgħid li l-kmandament tal-imħabba – u nagħlaq b’dan il-ħsieb – hu ġdid? L-ewwel nett għaliex bħala kejl ta’ dan il-kmandament tal-imħabba jagħti l-eżempju tiegħu u l-eżempju tiegħu hi ta’ mħabba estrema: “M’hemmx imħabba akbar minn din li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu”.
Komunità ta’ LGBTIQ fakkritni li jumejn oħra, fis-17 ta’ Mejju, id-dinja tfakkar is-solidarjetà ma’ dawn ħutna u ftakart x’qal il-Papa m’ilux. Qal: ‘L-ewwel nett irridu niftakru li Alla ma jiċħad lil ħadd minn uliedu’
Aspett ieħor tal-imħabba ta’ Ġesù hi l-kapaċità li jaħfer: “Aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23:34). Sallbuh, jaħfirlhom u jiskużahom. It-tielet aspett tal-imħabba ta’ Ġesù hi li jafdana b’idejn familja, f’idejn komunità. Lil ommu ma jafdahiex f’idejn oħtha, li kienet ukoll hemm hdejn is-salib, imma f’idejn id-dixxiplu l-maħbub. L-ewwel nett id-dixxiplu li kien iħobb ħafna, ftit iżjed mill-oħrajn, Ġesù jafdalu lil ommu. Imma qed jafda lil ommu wkoll lill-komunità ta’ dawk li jemmnu, mhux ir-relazzjoni tad-demm, imma tal-fidi.
U l-aħħar raġuni għax inħoss il-kmandament tal-imħabba hu ġdid għax għandu kapaċità jġedded. Kemm tolqotni dik l-espressjoni li smajna mill-Apokalissi ta’ San Ġwann: “Ara se nġedded kollox” (Apok 21:5). Kif? Billi nibdew ngħixu l-kmandament għażiż tiegħu tal-imħabba. Hekk il-Mulej iġedded kollox.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Atti 14:21b-27
Salm: 144 (145):8-9,10-11,12-13ab
Qari II: Apok 21:1-5a
L-Evanġelju: Ġw 13:31-33a,34-35