L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Nixtiequ naraw lil Ġesù.” Din hi x-xewqa li kellhom dawn in-nies Griegi li xtaqu jaraw lil Ġesù. Ma kinux parti mill-grupp li jkun madwar Ġesù, għalhekk marru sabu dixxiplu tiegħu, lil Filippu, u qalulu b’din ix-xewqa: “Nixtiequ naraw lil Ġesù”. U Filippu u Indrì miegħu ħaduhom għand Ġesù.
X’kienet ir-reazzjoni ta’ Ġesù? L-ewwel kelma tiegħu kienet: “Waslet is-siegħa li bin il-bniedem ikun igglorifikat”. Kieku waqaf hemm, kont tgħid – u forsi hekk ħasbu wkoll id-dixxipli – li billi saru jafu bih il-Griegi, nies għorrief, u għalhekk tfisser li l-kelma tiegħu qed tixtered, din hi l-glorja tiegħu: li l-popolarità qed tiżdied, iktar nies qed ikunu jafu bih.
Il-glorja ta’ Ġesù
Imma mbagħad Ġesù jgħid xi ħaġa oħra li taqleb ta’ taħt fuq dan il-ħsieb. Jgħid: “Jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ waħedha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott”. Juża din il-metafora biex ifisser il-ħajja tiegħu u l-mewt tiegħu. Hi bħall-ħabba tal-qamħ li kieku tħalliha fejn tidher, u toqgħod tħares lejha, wara ftit tispiċċa u ma tagħmilx frott; imma jekk tmut, jiġifieri tinżel ’l isfel fl-art, fil-ħamrija, tinżel u tindifen, hemmhekk tagħmel il-frott. Għalhekk, hi ironija li dawn il-Griegi ġew jistaqsu biex jarawh, u Ġesù jfisser lilu nnifsu b’xi ħaġa li ma tarahiex, li tagħmel il-frott jekk ma tibqax taraha.
Ġesù jrid iwassal il-messaġġ: il-glorja tiegħu mhijiex għax jarawh, jew minħabba l-popolarità, jew għaliex iktar nies jiġu ħdejh; imma l-glorja tiegħu hi meta n-nies jagħrfu li hu ġie biex jagħti ħajtu. Fil-mument li jagħti ħajtu, hemmhekk tassew tkun il-glorja tiegħu. Għalhekk isemmi: “Meta nintrefa’ ’l fuq mill-art”, jiġfieri meta jkun fuq is-salib, hemmhekk meta tħares lejh, hu bħall-ħabba tal-qamħ li taqa’ fl-art u tmut, hemmhekk hi l-glorja tiegħu. Hemmhekk tibda l-ħajja ġdida, hemmhekk jagħti tassew il-frott.
Għalhekk Ġesù qed jistieden lil dawn, u lid-dixxipli tiegħu, biex meta jiġu biex jarawh, ma jarawhx biss minn barra imma jarawh bl-għajnejn tal-fidi u jifhmu għal xiex ġie: li ġie biex jagħti ħajtu, biex isalva lilna lkoll.
Kemm hawn nies li jaħdmu ma’ dawk li huma fil-bżonn, tara l-ħajja tagħhom tagħti l-frott għax jgħixuha b’dan l-ispirtu ta’ Ġesù. Għalhekk il-glorja ma jfittxuhiex biex in-nies iħarsu lejhom … imma l-glorja qiegħda f’li jagħtu huma, f’li jingħataw għall-oħrajn.
Ħajjitna bħala għotja
Imma mbagħad hemm stedina oħra li Ġesù jagħmel. Meta dawn riedu jarawh, u għalhekk iltaqgħu miegħu, Ġesù bil-kliem tiegħu qed jistedinhom biex huma jimxu warajh. Jimxu warajh ifisser li jkunu dixxipli tiegħu, li jkollhom l-istess spirtu tiegħu. Għalhekk biex f’ħajjithom ifittxu li jkunu huma wkoll bħall-ħabba tal-qamħ li taqa’ fl-art u tmut biex tista’ tagħti l-frott.
Aħna nafu li l-istedina li għamel lilhom jagħmilha lilna. Din hi l-ħajja Nisranija, u hemm naraw tassew kemm hi sabiħa, meta aħna ħajjitna ngħixuha, bil-grazzja u l-għajnuna tiegħu, bħala għotja. Ma nfittxux lilna nfusna, l-egoiżmu tagħna, il-ħin kollu qisna nduru magħna nfusna, imma li nagħtu lilna nfusna bħall-ħabba tal-qamħ li taqa’ fl-art u tmut u tagħti l-frott. Dan ifisser sagrifiċċju, ċaħda, imma ħajja li tagħti l-frott.
Meta nħarsu madwarna, u mill-esperjenza tal-ħajja tagħna, nafu nies li huma eżempju ta’ dan. Jien nixtieq insemmi, pereżempju, il-ġenituri: kemm ġenituri hekk għexu, b’dedikazzjoni sħiħa għal uliedhom! Il-ħajja tagħhom tat tassew il-frott għax huma ma fittxewx lilhom infushom imma fittxew li l-missjoni tagħhom jaqduha b’dan l-ispirtu li semma Ġesù li huma jiċċaħħdu, jagħmlu sagrifiċċji għal uliedhom, u din il-ħajja tat il-frott. Kemm nies li jaħdmu wkoll ma’ dawk li huma fil-bżonn, tara l-ħajja tagħhom tagħti l-frott għax jgħixuha b’dan l-ispirtu ta’ Ġesù. Għalhekk il-glorja ma jfittxuhiex biex in-nies iħarsu lejhom, bħalma Ġesù ma fittixx dan, imma l-glorja qiegħda f’li jagħtu huma, f’li jingħataw għall-oħrajn.
Narawh fil-qadi tal-oħrajn
“Nixtiequ naraw lil Ġesù”. Din kienet ix-xewqa ta’ dawn in-nies Griegi. U Ġesù lilna għallimna li meta ngħixu b’dan l-ispritu tiegħu, imbagħad taf fejn narawh? Narawh fl-oħrajn. Narawh fl-uċuħ tal-persuni l-oħrajn, speċjalment dawk li b’xi mod jew ieħor ikollhom bżonn l-għajnuna tagħna. Għalhekk Ġesù qalilna: “… kulma għamiltu mal-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40). Qed jgħidilna: tridu tarawni fil-ħajja ta’ kuljum? Arawni wkoll fl-uċuħ ta’ dawk in-nies li huma fil-bżonn u hemmhekk, meta tgħinuhom, qed tgħinu lili. Kemm hi sabiħa l-ħajja meta ngħixuha b’dan l-ispirtu!
Mhuwiex spettaklu
Għalhekk “nixtiequ naraw lil Ġesu” mhuwiex spettaklu. Mhuwiex li narawh sempliċiment bħala xi ħadd ’il bogħod minna. Importanti dan għall-ħajja tagħna, speċjalment f’dawn il-ġranet li ġejjin. F’dawn il-ġranet, se jkollna niċċaħħdu minn diversi ċelebrazzjonijiet li huma għajnuna għall-ħajja tagħna. Ikun tajjeb li dawn il-ġranet jgħinuna wkoll biex nidħlu aktar fil-fond ta’ dak li Ġesù jixtieq minna f’ħajjitna, u ta’ dak li hu jfisser għalina f’ħajjitna.
Nitolbuh biex lilna, li nixtiequ narawh, jagħtina l-grazzja li ngħixu tassew dan l-ispirtu tiegħu ħalli nkunu rajnieh kif uriena lilu nnifsu hu, li ġie biex jagħti ħajtu għalina; u li narawh ukoll fil-proxxmu tagħna, speċjalment dawk kollha li jeħtieġu l-għajnuna tagħna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju