L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
F’dan il-jum għażiż fl-istorja ta’ Malta, dejjem kien sinjal ta’ rebħa; rebħa lill-poplu tagħna, għal darba, darbtejn. Kien persważ li seħħet ukoll bil-ħarsien ta’ Alla. Meta Dun Karm, fl-1922 kiteb il-kliem sabiħ tal-Innu Malti, fakkarna kemm il-Mulej ħarisna matul is-sekli; u talab li l-Mulej ikompli fis-snin, ikompli jħarisna. Il-mistoqsija li nagħmel lili nnifsi, u lil kull wieħed u waħda minna llum hi sempliċi: xi jfisser għalina li nilqgħu l-ħarsien ta’ Alla llum? Xi tfisser li l-Mulej titolbu jħarsek?
L-ewwel nett it-talba tagħna hi frott it-tama tagħna li għandna fil-Mulej. It-tama Nisranija bbażata fuq l-esperjenza ta’ Alla. Alla jħobbni għax dejjem ħabbni; Alla jħarisni għax dejjem ħarisni. Il-poplu Malti jkompli jitlob il-ħarsien ta’ Alla għax meta jħares lejn l-istorja tiegħu, jara l-id ta’ Alla tipproteġih. Imma tgħiduli, dan il-ħarsien ta’ Alla, hu ħarsien maġiku? Il-protezzjoni li jagħtina Alla hi protezzjoni awtomatika? Xejn minn dan. Il-Mulej iħarisna bil-ħidma tagħna flimkien; iħarisna daqs kemm aħna, l-ideal tagħna jkun ċar, imħaddan mas-sewwa u mat-tajjeb. Nistgħu ngħidu, li għall-grazzja ta’ Alla, fiż-żewġ esperjenzi li tagħhom illum qegħdin niċċelebraw ir-rebħa: fl-1565 u fl-1943, il-poplu Malti kienx qed jissielet waħdu mal-poteri kbar ta’ dak iż-żmien, għal-libertà, għall-ħarsien tal-fidi tiegħu u għall-ħarsien tal-libertà tiegħu.
Kultant aħna, donnu nċedu għall-arroganza tal-poter, għad-dominanza tar-razziżmu, kultant anke l-istituzzjonijiet, uħud minnhom jiddefendu, minflok jiddefendu lilna kontrihom. Irridu nistaqsu lilna nfusna: aħna kapaċi nikkoperaw ma’ Alla waqt li jħarisna? L-għażliet li qed nagħmlu huma kollha għażliet ta’ tjubija u ġustizzja? L-Evanġelju tal-lum, ma jitkellimx fuq it-twelid tal-Madonna għax it-twelid tal-Madonna ma nsibuhx fl-Evanġelju. Insibuh preskritt f’kitbiet antiki li ma ġewx aċċettati bħala evanġelju imma kienu rispettati ħafna mill-komunità ta’ Ġerusalemm, l-eqdem komunità.
L-Evanġelju tal-lum jitkellem dwar il-missjoni tal-antenati ta’ Ġużeppi, l-għarus ta’ Marija; u lil Ġużeppi jgħidlu: la tibżax tidħol għar-responsabbiltà li tkun int li tħares lill-omm is-Salvatur. “Inti ssemmih Ġesù għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dubiethom” (Mt 1:21). Bħalma jgħid il-Papa Franġisku, Alla jagħżel li jiddefendina u jħarisna permezz ta’ bnedmin oħra.
Kultant aħna, donnu nċedu għall-arroganza tal-poter, għad-dominanza tar-razziżmu, kultant anke l-istituzzjonijiet, uħud minnhom jiddefendu, minflok jiddefendu lilna kontrihom. Irridu nistaqsu lilna nfusna: aħna kapaċi nikkoperaw ma’ Alla waqt li jħarisna?
Allura quddiem l-istituzzjonijiet tal-pajjiż, il-President tar-Repubblika, ir-rappreżentanzi tal-eżekuttiv u leġiżlattiv, anke tal-ġudikatura, insellmilhom. Ta’ min nistaqsu lilna nfusna, aħna lesti nerfgħu r-responsabbiltà li nħarsu lil dan il-pajjiż? Alla se jħares lil Malta u lil Għawdex permezz tal-ħidma tagħna, tal-għażliet tagħna; għax Alla ma jagħtix ħarsien la awtomatiku u lanqas maġiku; imma jeħtieġ, u jagħżel li jseħibna f’din l-avventura, li nkunu strumenti wkoll tal-providenza, tal-imħabba, tal-ħniena u tal-ħarsien tiegħu.
Mela waqt li aħna fl-Innu Malti lil Alla nitolbuh ‘ħares, kif dejjem Int ħarist’, qegħdin nirrikonoxxu l-ewwel nett, li aħna fil-passat ikkoperajna ma’ Alla fil-ħarsien tal-gżejjer tagħna, u li Alla ħarisna tassew. Għalina l-passat hu garanzija li l-Mulej jisma’ t-talba tagħna; imma hi impenn li aħna nagħmlu bħalma għamlu missirijietna: nitqabdu t-taqbida t-tajba, nissieltu għas-sewwa, għal dak li hu ġust, għal dak li hu tajjeb.
Jekk fit-Tieni Gwerra Dinjija, aħna konna ġġilidna flimkien mal-alleati, kontra kull razziżmu, kontra kull ksenofobija; illum ta’ min nistaqsu lilna nfusna: għadna nagħmlu l-istess jew waqajna vittma ta’ dak li ġġilidna kontrih? Jekk aħna fl-1565 iġġilidna għal-libertà li nagħżlu r-reliġjon tagħna, kontra min ried jimponi reliġjon oħra, aħna lesti li nirrispettaw lil xulxin fl-għażliet tal-kult u l-lezzjonijiet tagħna?
Jalla l-Mulej ikompli jħarisna kif dejjem ħarisna; jalla jagħtina l-kuraġġ u l-umiltà, u d-dehen li nikkoperaw miegħu. ‘Ħares, kif dejjem Int ħarist’.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Mikea 5:1-4a
Salm: 12:6
Qari II: Rum 8:28-30
L-Evanġelju: Mt 1:1-16,18-23