L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Nisel ħażin u infidil” (Mt 12:39). Dan hu l-kliem li, kif rajna fl-Evanġelju skont San Mattew, Ġesù jgħid lill-kittieb u lill-Fariżej. Hu kliem iebes dan, kliem aħrax! Speċjalment meta tara t-talba li għamlu huma, li għall-bidu tidher talba magħmula b’edukazzjoni: “Xtaqna kieku naraw sinjal mingħandek” (Mt 12:38).
Għaliex din ir-reazzjoni ta’ Ġesù? Għax, fil-fatt, jekk tara dan li jiġi qabel dis-silta minn San Mattew, tara li Ġesù kien għamel diversi sinjali. U għal kull sinjal li għamel, għal kull miraklu, ir-reazzjoni tagħhom – tal-kittieba u l-Fariżej – kienet negattiva. Proprju ftit qabel, kien ħeles lil wieħed maħkum mix-xitan. U x’qalu? Qalu: sinjal sabiħ dan? Le, qalulu: int taf għaliex qed teħles lil dan mix-xitan? “Bis-saħħa tal-prinċep tax-xjaten” (Mt 12:24). U, ftit qabel, kien fejjaq ukoll lil wieħed li kellu idu niexfa. U x’qalu fuqu? Għamel dan “nhar ta’ Sibt” (Mt 12:10), ma għandekx tagħmel xi ħaġa hekk! Kull sinjal li għamel irrifjutawh, u sabu mezz kif ma jaċċettawhx. Imbagħad ġew hawn, u qalulu: “Xtaqna kieku naraw sinjal mingħandek”. U għalhekk ir-reazzjoni daqshekk qawwija ta’ Ġesù, għax kien jaf li qed jittratta ma’ nies li għalxejn. Dawn is-sinjali li kien qed jagħmel għalihom kienu għalxejn. Huma riedu xi ħaġa sensazzjonali, speattakolari, mhux dawn is-sinjali li bihom hu jfejjaq, jagħti l-ħajja mill-ġdid, jgħin lin-nies.
Għalhekk Ġesù jsemmi hawnhekk, f’din is-silta, dawk iż-żewġ ċirkustanzi mit-Testment il-Qadim. Jgħid, fuq il-profeta Ġona, li n-nies nidmu wara l-predikazzjoni ta’ Ġona, jiġifieri li n-nies taw widen għal dak li qal Ġona. Jgħidilhom: imma intom le! U anke għas-sultana tan-Nofsinhar. Dan ir-rakkont insibuh fl-Ewwel Ktieb tas-Slaten (ara 1 Slaten 10:1-13), meta s-sultana ta’ Saba għamlet vjaġġ twil ta’ mijiet ta’ mili biex tasal għand Salamun, ħalli tisma’ l-għerf ta’ Salamun. Tagħmillu diversi mistoqsijiet, u fil-fatt meta tkellmu u jkellimha Salamun, u tara anke l-ġid kbir li kien hemm, din is-sultana tgħidlu: dan li rajt hu ħafna aktar minn dak li qaluli. Is-sultana fittxet li tagħmel dal-vjaġġ twil biex tisma’ l-għerf ta’ Salamun. U Ġesù jgħid: “Hawn min hu aqwa minn Salamun hawnhekk!” (Mt 12:42).
Ġesù mbagħad isemmi, f’din is-silta, l-aqwa sinjal. U jagħmel dan bit-tixbieha mal-ġrajja ta’ Ġona. Hawnhekk qed jirreferi Ġesù għal dak li kellu jsir aktar tard, jiġifieri: il-mewt u l-qawmien tiegħu mill-imwiet. U jgħid: dan hu s-sinjal definittiv. Dan hu s-sinjal li jagħti mbagħad sens lis-sinjali l-oħra li jagħmel Ġesù.
Issa dan hu messaġġ importanti għalina, għall-ħajja tagħna llum. Dan għaliex aħna għandna dan is-sinjal. L-ikbar sinjal narawh proprju fl-Ewkaristija, meta aħna niċċelebraw il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù, meta għandna lil Ġesù ħaj. Hemmhekk għandna l-aqwa u l-aħjar. Imma jista’ jiġrilna li kultant aħna wkoll infittxu dawn is-sinjali sensazzjonali u spettakolari – xi ħaġa barra min-normal – u niġru wara dawn. Mentri Ġesù qed jgħid: araw dak li hu l-ikbar sinjal, u qimu u għixu dan l-ikbar sinjal li hu l-Ewkaristija.
Għalhekk, illum, nixtieq li din tkun it-talba tagħna: li aħna nagħrfu dan is-sinjal li tana Ġesù li hu ħaj, u permezz tiegħu, diversi sinjali fil-ħajja tagħna fejn Ġesù jkun dak li jimxi magħna, dak li jakkumpanjana fil-ħajja tagħna. U jgħinna biex aħna fil-ħajja ma nfittxux affarijiet li jagħmlu storbju, jew sensazzjoni, spettakolari, qishom dawn huma l-affarijiet importanti fil-fidi tagħna, imma l-fidi tagħna jkollha l-għeruq fejn għandhom ikunu l-għeruq: Ġesù li hu ħaj, fl-Ewkaristija fejn niċċelebrawh proprju flimkien, u jgħinna ħalli naċċettaw lilu b’qalb kbira. Ma nkunux bħal dawn il-kittieba u l-Fariżej li dejjem b’xi mod jew ieħor irrifjutawh, imma jkollna qalb li dejjem tilqgħu, taċċettah, u tgħinna biex ngħixu tassew kif irid minna hu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta