L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Iftħu għajnejkom u ħarsu rwieħkom minn kull regħba” (Lq 12:15). Dan hu l-kliem li jgħid Ġesù llum fl-Evanġelju skont San Luqa, u jgħidu għax kien hemm xi ħadd mill-folla li talbu biex jindaħal fin-nofs ħalli jgħin biex ħuh jaqsam il-ġid miegħu. Ġesù ma riedx li jiddeffes fi kwestjonijiet familjari, imma mbagħad jieħu l-ispunt biex jgħid lin-nies dan il-messaġġ importanti fuq ir-regħba.
U jżid jgħid: “għax imqar jekk wieħed ikollu bir-radam, ħajtu ma tiddependix mill-ġid li jkollu” (Lq 12:15). Nafu hawnhekk li jgħid il-parabbola ta’ dak ir-raġel li kellu kotra ta’ frott fir-raba’ tiegħu u dal-frott ma kienx joqgħod fl-imħażen li kellu, u għalhekk qal: l-aħjar hu li “nħott l-imħażen li għandi u nibni oħrajn akbar, u naħżen fihom il-qamħ u l-ġid li kollu li għandi” (Lq 12:18). Imma mbagħad qal ħaġa oħra dar-raġel. Ma kienx kuntent biss li jaħżen il-ġid. Qal: issa ngħid lili nnifsi: “strieħ, kul, ixrob, ixxala” (Lq 12:19). Li ma kienx jaf dar- raġel kien li dak il-lejl stess il-Mulej kien se jsejjaħlu għall-ħajja ta’ dejjem. Għalhekk Ġesù hawnhekk jgħid din il-parabbola biex jiġbed l-attenzjoni tagħna fuq kemm huwa importanti li aħna ma jkollniex din ir-regħba li tmexxina fil-ħajja tagħna. Dan ir-raġel, fil-fatt, strieħ verament, għax strieħ għal dejjem; imma ma kellux ċans jiekol, jixrob, jixxala b’dak li kellu.
Għalhekk Ġesù jinsisti ħafna li noqogħdu attenti fuq ir-regħba, li tfisser dik il-kilba li jkollok, li jkollok aktar, u ma tkunx kuntent b’li għandek imma trid dejjem aktar. Din ma tħallikx fil-paċi. Fil-fatt, wieħed irid joqgħod ħafna attent. Bil-Malti hemm espressjoni li tgħid hekk: “il-flus dominanti u lill-għorrief jagħmluhom injoranti”. Kemm hu veru jekk wieħed jorbot qalbu ma’ li għandu, il-ħin kollu jrid u jrid aktar, qatt ma jkun kuntent fil-qalb tiegħu, u jkunu qed jikkmandawh il-flus flok li jużahom għall-ġid!
Ġesù jgħid hawnhekk: “u l-ħwejjeġ li ħejjejt għalik, ta’ min ikunu?” (Lq 12:20). Ġesù qed jiġbed l-attenzjoni tagħna għall-fatt li aħna ma aħna se nieħdu xejn magħna. Fl-aħħar ta’ ħajjitna, dak kollu li nkunu jew ġemmajna, jew ħżinna, se nħalluh hawn. Se nħalluh għal ta’ warajna. Fil-fatt, hemm espressjoni oħra bil-Malti li tgħid hekk: “Il-flus mhumiex ta’ min jagħmilhom imma ta’ min igawdihom”. Jekk inti qed taħseb biex tiġma’ għalik, “bla ma tistagħna quddiem Alla” (Lq 12:21), kif qal Ġesù hawnhekk, hemmhekk żbaljat, għaliex inġemmgħu kemm inġemmgħu, fl-aħħar mill-aħħar meta l-Mulej isejħilna, aħna ma neħdux il-ġid li ġemmajna imma nieħdu l-ġid li nkunu għamilna mal-oħrajn. Hawn Ġesù mhux qed jgħid li ma għandekx tippjana, u tippjana sew għall-ħajja tiegħek, imma li meta tagħmel dan, il-ġid li jkollok tużah sewwa, tużah biex taħseb ukoll fl-oħrajn, tużah biex “tistagħna quddiem Alla”.
Dan jgħodd għalina personali, imma jgħodd għalina wkoll bħala Knisja. Il-Knisja teħtieġ ħafna riżorsi, u tagħmel dan mhux biex taħżen u tieħu pjaċir taħżen, imma biex tużahom kontinwament għall-ġid tal-oħrajn. Jekk inħarsu lejn il-ħajja tal-Knisja, naraw kif il-Knisja taħdem għall-fqar, għal dawk li ma għandhomx x’jieklu, għal dawk li għandhom xi bżonn partikulari, għall-vittmi, għal dawk li qed ibatu. Għandha diversi istituzzjonijiet, ħidmiet u proġetti ta’ għajnuna ma’ tant nies. Nafu li għalihom hemm bżonn il-mezzi, jekk trid verament tgħin. Għalhekk nitolbu lill-Mulej jgħinna ħalli nsibu l-mezzi neċessarji li jkunu jixirqu l-ħajja tal-Knisja, u li nużaw kontinwament dawn il-mezzi biex bihom nagħmlu l-ġid. B’dal-mod inkunu tassew qed nistagħnu quddiem Alla, u nilħqu l-iskop tal-ħidma tagħna bħala Knisja, li kontinwament nieqfu ma’ dawk li huma fil-bżonn.
Nitolbu lill-Mulej kemm għalina personali biex jgħinna ħalli jeħlisna mir-regħba, kif ukoll għalina bħala komunità, li nagħrfu tassew nużaw il-ġid biex nagħmlu l-ġid.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta