L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Il-kalċi mbierek huwa xirka mad-demm ta’ Kristu” (Salm 115). Meta l-Appostlu Missierna San Pawl jikteb lill-Korintin jinsisti li t-tagħlim li aħna nemmnu fih u li qegħdin nikkomemoraw, inġeddu u nfakkru llum, irċevih mingħand il-Mulej. “Jiena rċevejt mingħand il-Mulej it-tagħlim li għaddejt lilkom, jiġifieri, li l-Mulej Ġesù fil-lejl li fih kien ittradut, ħa l-ħobż wara li radd il-ħajr qasmu u qal: ‘Dan hu ġismi li jingħata għalikom; agħmlu dan b’tifkira tiegħi’. Hekk ukoll għamel bil-kalċi, wara li kiel qal: ‘Dan il-kalċi hu l-patt il-ġdid b’demmi, agħmlu dan kull meta tixorbu b’tifkira tiegħi’”. L-Appostlu Missierna jinsisti: “Mela kull meta tieklu dan il-ħobż u tixorbu dan il-kalċi, intom ixxandru l-mewt tal-Mulej sa ma jiġi.” (1Kor 11: 26). L-Appostlu Missierna jinsisti li aħna rċevejna dan il-kmand minn għand il-Mulej: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi” (1Kor 11:24). 

Illum ukoll niċċelebraw, nikkomemoraw u nfakkru kmand ieħor li rċevejna mingħand il-Mulej fl-istess kuntest, fl-istess jum, u waqt l-istess ikla: “Għax jien tajtkom eżempju, biex kif għamilt jien magħkom, hekk tagħmlu intom ukoll” (Ġw 13:15). Kien qed jirreferi għall-ġest li jaħsel saqajn id-dixxipli tiegħu; insista anke ma’ Pietru li rriffjuta: “Jekk ma naħsillekx saqajk, ma jkollokx x’taqsam miegħi” (Ġw 13:8). “Mulej, mhux saqajja biss, imma jdejja u rasi wkoll” (Ġw 13:9).

F’din l-istqarrija ta’ umiltà ta’ Pietru li jilqa’ l-umiltà ta’ Ġesù, hemm l-umiltà tal-Knisja li llum taċċetta li l-Mulej jaħslilha rasha, idejha u saqajha. Dan ifisser il-membri kollha tal-Knisja. Fil-ġest li aħna se nagħmlu biex infakkru l-istil ta’ Ġesù, infakkru wkoll li l-imħabba tiegħu tippurifikana bħalma jippurifikana u jsalvana d-demm għażiż tiegħu.

Illum nitolbu ’l Mulej li bil-qawwa tad-demm għażiż tiegħu, bil-misteru kbir tal-umiltà tiegħu inaddaf l-imħabbiet u l-ħbiberiji tagħna u r-relazzjonijiet ta’ bejnietna.

“Il-kalċi mbierek huwa xirka mad-demm ta’ Kristu”. Id-demm huwa l-ħajja u allura meta aħna nissieħbu, insiru xirka mad-demm ta’ Kristu u nidħlu fil-ħajja tiegħu. Aħna nħallu lilu jaħjina, jagħtina ħajja ġdida. Mhux ta’ b’xejn llum fit-talba tagħha, il-Knisja titlob lill-Mulej li minn dan il-misteru qaddis tal-ikla qaddisa tal-Mulej, li ssejħilha l-ikla tal-imħabba, aħna nieħdu l-imħabba u l-ħajja.

Illum nitolbu ’l Mulej li bil-qawwa tad-demm għażiż tiegħu, bil-misteru kbir tal-umiltà tiegħu inaddaf l-imħabbiet u l-ħbiberiji tagħna u r-relazzjonijiet ta’ bejnietna. Inaddafhom għax fina hemm għatx għall-imħabba. Imma dan l-għatx irid jissaffa bil-ħniena kontinwa tal-Mulej.

Ejjew ma niċħdux l-għatx li hemm fina għall-imħabba imma llum nitolbu ’l Mulej li bil-misteru tad-demm għażiż tiegħu u tal-umiltà tiegħu, l-imħabbiet tagħna, kbar u żgħar, jitnaddfu u jissaffew biex isiru jixbhu lil tiegħu. Għaliex? Għaliex il-kejl tal-imħabba vera jgħallimulna hu stess f’demmu mxerred għalina. “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi”. Mela l-imħabba vera ma tiddejjaqx tingħata, ma tibżax mis-salib u titlob lill-Mulej li waqt li jsaffiha jagħmilha sabiħa u qawwija li tagħti l-ħajja.

Illum il-Knisja tkompli tiġġedded waqt li tobdi lill-Mulej li jgħidilha: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi”. Waqt li jwaqqaf is-saċerdozju ministerjali biex il-preżenza tiegħu ħajja fil-misteru tal-Ewkaristija fil-ġisem u d-demm imqaddes tiegħu jibqa’ fil-Knisja, hemm bżonn nitolbu l-ħniena tal-Mulej biex fostna jkollna qlub ġenerużi li jagħtu ħajjithom biex dan il-misteru kbir isib min iħaddmu u min jagħtih lill-poplu qaddis ta’ Alla.

Għaliex il-kejl tal-imħabba vera jgħallimulna hu stess f’demmu mxerred għalina.

Nitolbu wkoll li l-Poplu ta’ Alla ma jitbegħedx mill-Mejda tal-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù. Kemm hi ħaġa sabiħa li f’dawn is-sentejn li għaddew u bħalma qed isir bħalissa, il-mezzi tax-xandir setgħu jwasslu fid-djar tal-poplu għażiż tagħna ċ-ċelebrazzjonijiet qaddisa. Imma llum, f’isem il-Mulej Ġesù, nistieden lil kull min jista’ u kif jista’ biex jersaq lejn il-Mejda tal-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù. Min jaf kemm naraw ikliet sbieħ jitħejjew fuq it-televixin u nitgħallmu ħafna riċetti imma qatt ma nistgħu nduquhom. Hekk ukoll il-Mulej iħajjarna billi jwasslilna l-immaġini, il-Kelma, imma ma jistax jitmagħna virtwalment. Ejjew nersqu lejn il-Mejda tal-Ġisem u d-Demm għażiż tiegħu għax din hija r-rieda tiegħu. Ma waqqafx show, waqqaf ikla: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi”.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Eż 12, 1-8.11-14
Salm: 115 (116), 12-13.15-16bċ.17-18
Qari II: 1 Kor 11, 23-26
L-Evanġelju: Ġw 13, 1-15