• L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

  • Il-Bażilka ta’ Santa Marija Mtellgħa s-Sema, il-Mosta
    10 ta’ Awwissu 2019

    Għadni niftakar il-ġurnata 44 sena ilu bħal-lum – jien kelli ħdax-il sena – meta missieri ġabni l-Mosta għall-ġrajja tal-inkurunazzjoni. Kont fi Triq il-Kungress Ewkaristiku u nistqarr li ftit li xejn irnexxieli nara dak inhar. Imma dik il-ġurnata baqgħet stampati f’moħħi u f’qalbi għax dakinhar stajt inħoss li dik kienet ġrajja speċjali, sinjal tal-imħabba tal-poplu tal-Mosta, imma wkoll tal-poplu Malti, lejn Marija.

    Min qatt kien jgħidli li 44 sena wara se nkun hawn infakkar dil-ġrajja tista’ tgħid f’għeluq is-sena mill-Ordinazzjoni Episkopali tiegħi. Hu għalhekk, b’innu ta’ tifħir lil Alla u lil Marija, li nixtieq li nfakkar l-inkurunazzjoni tal-inkwatru ta’ Sidtna Marija Mtellgħa s-Sema, xogħol mill-isbaħ tal-pittur Pasquale Buhagiar, kwadru meqjum b’għożża għal tant snin.

    Għaliex l-Inkoronazzjoni

    Nixtieq li mmorru lura għal din il-ġrajja biex niftakru għaliex kienet saret din it-talba biex il-kwadru jkun inkoronat. Prinċipalment, it-talba tal-arċipriet ta’ dak iż-żmien Dun Bartilmew Bezzina kienet tgħid li l-kwadru kien xhieda ta’ devozzjoni qadima tal-Mostin lejn Marija Assunta. Din it-talba kien ressaqha l-Arċisqof Mikiel Gonzi personalment quddiem il-Papa Pawlu VI li mbagħad awtorizzah biex f’ismu jinkuruna l-kwadru tal-Assunta. Il-Papa kien semma kif ħafna nies kienu jiġu jitolbu l-milja tal-grazzji tas-sema minn Omm Alla fuqhom u fuq nieshom, u kif kellu l-fiduċja li l-Maltin ikomplu jissaħħu dejjem iżjed fil-qima lejn Marija.

    L-Inkoronazzjoni llum

    Għaddew 44 sena minn dik il-ġrajja unika u llum aħna miġburin f’din il-Bażilka biex infakkruha. Nistedinkom biex ħarsitna ma tkunx biss lura lejn dik il-ġurnata storika u speċjali imma tkun ukoll lejn it-tifsira tagħha għal ħajjitna llum. X’għandha tfisser l-Inkoronazzjoni ta’ Marija li ġrat tant snin ilu għalina llum?

    Nixtieq infakkar ftit il-kliem li kien qal il-Kardina Ursi, Arċisqof ta’ Napli, meta ġie hawnhekk għall-Festa ta’ Santa Marija ħamest ijiem wara l-Inkoronazzjoni: “Intom, ħuti, nhar il-Ħadd li għadda ridtu tinkoronaw lill-Madonna u tgħolluha bħala qaddejja ta’ Alla u Reġina. Verament intom m’għandkomx il-poter tinkoronaw lil Marija. Alla biss jista’ jinkoronha. Iżda intom b’dik il-kuruna prezzjuża li qegħditu fuq rasha, bil-fidi tagħkom ta’ Nsara, bl-imħabba tagħkom ta’ wliedha, għaraftuha quddiem kulħadd u bil-qawwa kollha, Marija Reġina! U għajjattu: ‘Aħna wlied Marija’.”

    Ngħixu bħala wlied

    L-inkurunazzjoni kienet turija ta’ mħabba ta’ wlied. Ilum għalina fil-ħajja tagħna tfisser li aħna ngħixu tassew bħala wlied Marija. L-isbaħ kuruna llum hu meta lil Marija ngħożżuha bħala Ommna li dejjem tieħu ħsiebna u tipproteġina u twassalna għand Ġesù, u li aħna ngħixu tassew bħala wliedha.

    Ngħixu bħala wliedha jfisser li dejjem ikollna fuq fommna u f’qalbna innu ta’ tifħir lil Marija. Li kliemna qatt ma jkasbarha imma dejjem ifaħħarha. Jekk intom hawnhekk il-Mosta tiftakru li l-kuruna minnha nfisha tfisser ġest ta’ tifħir, allura tistgħu tkunu minn ta’ quddiem biex tagħmlu tajjeb għal tant nies li joffendu lil Marija bi kliemhom, ġieli fl-istess festi tagħha.

    Ngħixu bħala wliedha jfisser li nħallu lil Marija timlielna qalbna bl-istess sentimenti tagħha: ta’ mħabba, ta’ kompassjoni, ta’ maħfra, ta’ paċi, ta’ qadi, ta’ rispett lejn id-dinjità ta’ kull persuna għax kull persuna hi maħluqa xbieha ta’ Alla. Ngħixu bħala wliedha jfisser li nħallu lill-Madonna tgħallimna s-sabiħ tal-ħajja umana – dik it-tema li qed tirriflettu fuqha fil-festa din is-sena – u tgħinna ngħożżu l-ħajja mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha, kif għamlet hi meta nisslet lil Ġesù fi ħdanha. Mill-ewwel għożżitu, ukoll meta ma setgħetx tarah; għax Marija kienet taf li fil-mument tat-tnissil ġa kellha lil Ġesù sħiħ mhux biċċa minnu jew xi ħaġa li għad tkun Ġesù ‘l quddiem. L-għożża tal-ħajja hi kuruna sabiħa fuq ras Marija.

    Dan hu li għandha tfisser l-Inkoronazzjoni tal-Assunta għalina llum: li aħna ngħixu tassew bħala wliedha.

    Tip ieħor ta’ kuruna

    Intom tafu li l-kuruna li tqiegħdet fuq ras Marija fix-xbieha tagħha kienet kuruna prezzjuża. Dan kien simbolu qawwi tal-imħabba u l-għożża tal-Maltin.

    Imma nixtieq li lkoll niftakru llum li jekk aħna nifirħu bix-xbieha imma f’ħajjitna nkasbru dak li tfisser u trid minna Marija, mhux kuruna sabiħa nkunu qed nagħmlulha imma kuruna tax-xewk.

    Jekk aħna, uliedha, niżirgħu ż-żerriegħa tal-mibegħda u bi kliemna ninsulentaw lil ħaddieħor, per eżempju għax differenti minna jew għax il-kulur u r-razza tiegħu jew tagħha huma differenti, kuruna tax-xewk inkunu qed nagħżlu mhux il-kuruna li għażlu missirijietna.

    Jekk aħna bi kliemna ninsulentaw lil xulxin, inweġġgħu lil xulxin, u nieħdu gost naqilgħu li jkollna fuq l-istonku biex noskuraw lil ħaddieħor, kuruna tax-xewk inkunu qed nagħżlu mhux il-kuruna li għażlu missirijietna.

    Imma jien ċert li aħna għalhekk qegħdin hawn: biex inġeddu l-għażla li għamlu missirijietna li l-kuruna li qiegħdu fuq ras Marija kienet frott ta’ mħabba ta’ wlied u impenn biex jgħixu tassew ta’ wlied. Aħna wkoll illum inġeddu dak li għamlu missirijietna tant snin ilu.

    Talba

    Għalhekk, illum nitolbu lill-Madonna tagħtina l-grazzja li ħajjitna tkun kuruna sabiħa għaliha. Kif kiteb Patri Ġużè Delia fil-poeżija tiegħu dwar il-kuruna ta’ Marija Assunta:

    Hemm fiha, Madonna, qed tħabbat,

    II-qalb ta’ dawn ħutna Mostin,
    U dik ta’ kull wieħed minn ġensna,

    Ulied dawn il-gżejjer Maltin.

    It-talba li nagħmel illum fil-quddiesa – nistedinkom tissieħbu miegħi – hi biex verament ngħożżu l-Inkoronazzjoni mhux biss bħala fatt storiku imma wkoll għal dak li tgħidilna għal ħajjitna llum. Infakkar dak li jgħid l-Innu tal-Inkurunazzjoni, nistgħu ngħiduha flimkien:

    Dir-Reġina Nkurunata,

    Ġawhra sbejħa għall-Mostin,
    Irriduha wkoll Reġina,

    Tagħna lkoll tagħna l-Maltin.


    ✠ Joseph Galea-Curmi
        Isqof Awżiljarju